DAC 4 - Rappurtar MNE pajjiż b’pajjiż
Ħarsa Ġenerali Legali:
Id-DAC 4 jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill tal-UE 2016/881, li tagħti mandat għall-iskambju awtomatiku tar-rapporti pajjiż b’pajjiż (CbC) fost l-Awtoritajiet tat-Taxxa tal-UE. L-għan huwa li l-Awtoritajiet tat-Taxxa jingħataw informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar l-allokazzjoni globali tal-introjtu, it-taxxi mħallsa u l-attività ekonomika fost il-ġurisdizzjonijiet li fihom joperaw l-Intrapriżi Multinazzjonali (MNEs). Dan l-iskambju awtomatiku obbligatorju tar-Rapporti tas-CbC bejn l-Istati Membri għandu f’kull każ jinkludi l-komunikazzjoni ta’ sett definit ta’ informazzjoni bażika li tkun aċċessibbli għal dawk l-Istati Membri, inkluża informazzjoni dwar id-dħul tagħhom, il-profitt qabel it-taxxa, l-introjtu mħallas u akkumulat, in-numru ta’ impjegati, il-kapital iddikjarat, il-qligħ miżmum, u wkoll assi tanġibbli għajr flus jew ekwivalenti ta’ flus kontanti. Fl-aħħar nett, il-Gruppi MNE għandhom jidentifikaw kull entità fi ħdan il-grupp li tagħmel negozju f’ġurisdizzjoni tat-taxxa partikolari u jipprovdu indikazzjoni tal-attivitajiet tan-negozju li fihom tinvolvi ruħha kull entità.
Ukoll, f’każijiet fejn l-Entità Kostitwenti f’Malta ta’ Grupp MNE mhijiex l-Entità Prinċipali Finali u lanqas l-Entità Prinċipali Surrogata u lanqas l-Entità Kostitwenti msemmija fil-punt 1 tat-Taqsima II tal-Anness III tar-Regolamenti dwar Koperazzjoni ma’ Ġurisdizzjonijiet oħra fuq Kwistjonijiet ta’ Taxxa (L.S. 123.127), Ittra ta’ Notifika CbC, iffirmata fl-oriġinal mid-direttur tal-Entità Kostitwenti inkwistjoni, jeħtieġ li tintbagħat fuq bażi annwali lill-MTCA, u tiżvela l-identità u r-residenza tat-taxxa tal-Entità Notifikanti tal-Grupp.
Id-DAC 4 daħal fis-seħħ, meta fil-25 ta’ Mejju 2016, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (“id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva”) ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2016/881/UE (“DAC 4”) dwar l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fir-rigward tar-Rappurtar tas-CbC. Id-DAC 4, imbagħad, ġie implimentat fil-leġiżlazzjoni Maltija fil-5 ta’ Ġunju 2017, bis-saħħa ta’ AL400 tal-2016, intitolat ir-Regolamenti dwar Kooperazzjoni ma’ Ġurisdizzjonijiet Oħra fuq Kwistjonijiet ta’ Taxxa (Emenda).
Barra minn hekk, ir-regoli għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni skont id-DAC4 huma wkoll konformi mal-iżviluppi internazzjonali u huma bbażati fuq l-Azzjoni 13 tal-OECD tal-Proġett dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti. F’dan ir-rigward, Malta ffirmat il-Ftehim tal-Awtorità Kompetenti Multilaterali (MCAA) tal-OCED dwar l-Iskambju ta’ Rapporti tas-CbC fis-26 ta’ Jannar 2017 u bħala firmatarja ta’ din l-MCAA, Malta hija impenjata li testendi l-kooperazzjoni tagħha għall-iskambju ta’ rapporti tas-CbC anki ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-UE, fejn f’Diċembru 2017, dan ġie implimentat bis-saħħa ta’ AL344 tal-2017.
Reġistrazzjoni tas-CbC:
L-entitajiet, soġġetti għar-rappurtar tad-DAC 4, huma mitluba japplikaw billi jibagħtu email fuq [email protected]; għad-dettalji meħtieġa, jekk jogħġbok ara t-taqsima 7 fil-linji gwida.
Skadenzi:
Linji gwida:
Għal aktar gwida dwar dan ta’ hawn fuq, jekk jogħġbok irreferi għal- Linji Gwida għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill tal-UE 2016/881/UE tal-25 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC4) f’Malta u r-Rapport Finali tal-2015 dwar l-Azzjoni 13 tal-Proġett tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti (Verżjoni 1.5)
Dettalji ta’ Kuntatt:
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq [email protected].
The form was submitted successfully!