Verifiki
u Awditjar
Id-Dipartiment tal-Verifiki u
tal-Awditjar għandu r-responsabbiltà prinċipali li jiżgura li l-kontribwenti
jiddikjaraw l-ammont korrett ta’ taxxa dovuta fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa
tagħhom, permezz tal-użu tat-teknoloġija u billi jadotta l-Prinċipji tal-Ġestjoni
tar-Riskju tal-Konformità. Għalhekk, id-Dipartiment tal-Verifiki u
tal-Awditjar għandu r-responsabbiltà li jidentifika u jieħu azzjoni kontra kull
min ma jikkonformax permezz ta’ għażla ta’ inizjattivi ta’ konformità li
jinkludu awditi amministrattivi sħaħ, awditi ta’ aspetti u proċessi oħra.
Barra minn hekk, id-Dipartiment huwa responsabbli wkoll għall-infurzar
tal-obbligi fiskali fin-negozju għat-tranżazzjonijiet tal-klijenti permezz ta’
operazzjonijiet fuq il-post li jinkludu spezzjonijiet fil-bini tan-negozju.
Id-Dipartiment tal-Verifiki u
tal-Awditjar huwa maqsum fi tliet Direttorati u jimpjega madwar 65 impjegat.
Id-Dipartiment jinkludi wkoll Unità żgħira ta’ Sostenn. Organigramma
tad-Dipartiment hija pprovduta hawn taħt.
Organigramma
tad-Dipartiment tal-Verifiki u tal-Awditjar

Sors: l-MTCA
Dan li ġej jipprovdi ħarsa ġenerali
lejn ir-responsabbiltajiet ewlenin ta’ kull Direttorat.
Riskju, Intelliġenza
u Prevenzjoni tal-Frodi: Dan id-Direttorat huwa inkarigat
mill-monitoraġġ u t-tfassil ta’ profili tal-kontribwenti bl-użu
tat-teknoloġija. Permezz ta’ eżerċizzji bħal dawn, id-Direttorat għandu
l-għan li jiżviluppa l-intelliġenza interna meħtieġa li tintuża mid-Dipartimenti
u d-Direttorati l-oħra. Tali monitoraġġ jitwettaq bl-użu ta’ Software
għall-Analiżi Statistika (Statistical Analysis Software – SAS).
Il-kontribwenti mmarkati bħala riskju għoli jiġu kkomunikati lid-Direttorat
tal-Awditjar tat-Taxxa jew lid-Direttorat tal-Awditjar tal-Aspetti għal aktar
kontrolli u verifiki.
Awditi tat-Taxxa: Id-Direttorat
tal-Awditjar tat-Taxxa huwa primarjament responsabbli mit-twettiq ta’ awditi
tal-kontribwenti biex jivverifika l-kompletezza tal-ammont tat-taxxa dovut
lill-amministrazzjoni. Dan id-Direttorat jikkoopera ma’ awtoritajiet
tat-taxxa oħra u jipprovdi wkoll assistenza lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
fl-analiżi ta’ kwistjonijiet tat-taxxa skont il-każ.
Spettorat/Awditu
tal-Aspetti: L-għan ewlieni ta’ dan id-Direttorat huwa li jivverifika
l-akkuratezza tar-rifużjonijiet tal-VAT mitluba, janalizza kwistjonijiet
partikolari tat-Taxxa fuq id-Dħul u jiżgura li jinħarġu r-Riċevuti Fiskali u li
l-bejgħ jiġi rrappurtat b’mod xieraq u f’waqtu. Id-Direttorat huwa
responsabbli wkoll mit-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post.
The form was submitted successfully!