Taxxa tal-Individwi
F’din it-taqsima tista’ ssib ħarsa ġenerali lejn kwistjonijiet relatati ma’ taxxa personali, inkluża informazzjoni dwar l-obbligi u d-drittijiet tiegħek bħala kontribwent. Tingħata informazzjoni tat-taxxa aktar dettaljata dwar suġġetti speċifiċi bħal krediti tat-taxxa, id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu u formoli relatati użati.
Il-bażi ġenerali tat-tassazzjoni personali f’Malta hija li, jekk inti domiċiljat u normalment residenti f’Malta għandek tiddikjara l-introjtu kollu tiegħek (inkluż dak tal-konjuġi tiegħek u tat-tfal dipendenti) minn kwalunkwe sors. Jekk jew m’intix domiċiljat jew mhux normalment residenti f’Malta, inti għandek tiddikjara l-introjtu kollu li jakkumulalek f’Malta jew li ġej minn Malta (inkluż dak tal-konjuġi tiegħek u tat-tfal dipendenti), kif ukoll kwalunkwe introjtu li ntbagħat Malta.
F’Malta t-tassazzjoni tal-introjtu ta’ individwu hija progressiva; jiġifieri aktar ma jkun għoli l-introjtu ta’ individwu, aktar tkun għolja t-taxxa mħallsa. Il-pagament tat-taxxa personali jsir prinċipalment jew permezz tas-sistema tat-Taxxa Provviżorja, l-FSS (is-Sistema ta’ Pagament Finali), jew permezz tal-Awtovalutazzjoni. Fil-każ tat-Taxxa Provviżorja, it-taxxa dovuta għal sena partikolari tinġabar matul l-istess perjodu li fih jinkiseb l-introjtu. Dan japplika l-aktar għal persuni li s-sorsi ta’ introjtu tagħhom jinkludu l-kummerċ, in-negozju, il-professjoni jew il-vokazzjoni. L-FSS (is-Sistema ta’ Pagament Finali), li prinċipalment taqdi lill-impjegati u lill-pensjonanti, hija mfassla biex tipproduċi tnaqqis preċiż tat-taxxa minn emolumenti. Din il-metodoloġija tiżgura li l-ammont korrett ta’ taxxa jitnaqqas mill-emolumenti grossi hekk kif jiġu riċevuti, u b’hekk titnaqqas l-okkorrenza ta’ rifużjonijiet jew pretensjonijiet tat-taxxa kbar. Kwalunkwe taxxa dovuta li ma tinġabarx permezz ta’ dawn iż-żewġ sistemi għandha titħallas sad-data dovuta għall-pagament tat-taxxa, jiġifieri t-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena li fiha l-introjtu jkun ġie ggwadanjat permezz tal-Awtovalutazzjoni.
The form was submitted successfully!