Persuna li taħdem part-time tiġi intaxxata b’rata fissa ta’ 10%. It-taxxa hija finali, u għalhekk l-income derivat minn xogħol part-time m’għandux għalfejn jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni annwali tat-taxxa fuq l-income minħabba li mhuwiex soġġett għal aktar taxxa.
Ir-rata ta’ 10% hija applikabbli għall-income kollu mill-part-time, irrispettivament mill-ammont li ddaħħal?
Le, huwa applikabbli biss sa massimu ta’ €10,000 fis-sena fil-każ ta’ impjieg part-time u sa massimu ta’ €12,000 fis-sena fil-każ ta’ impjieg indipendenti part-time. Jekk l-income mill-part-time jaqbeż dawn l-ammonti jkollok tiddikjara l-eċċess fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek.
Eżempju: Jekk l-income mill-part-time tiegħek mill-impjieg kien ta’ €15,000, inti tħallas 10% fuq l-ewwel €10,000. Fuq il-€5,000 li jifdal tiġi intaxxat bir-rati normali, u jekk ma tissottomettix dikjarazzjoni il-€5,000 jintwerew fir-rendikont tat-taxxa tiegħek. Jekk tissottometti d-dikjarazzjoni tat-taxxa, kulma trid tagħmel hu li tehmeż l-FS3 u tiddikjara l-€5,000 taħt l-impjieg. Jekk il-€15,000 mill-part-time huma minn impjieg indipendenti trid tiddikjara €3,000 fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek.
Fil-każ ta’ koppja miżżewġa, jekk iż-żewġ konjuġi jikkwalifikaw għall-benefiċċju, huma intitolati għal €10,000 kull wieħed (impjieg) jew €12,000 kull wieħed (impjieg indipendenti).
Min jista’ jibbenefika?
Dawn li ġejjin jistgħu jibbenefikaw mir-rata ta’ 10%:
impjegati full-time; jew
pensjonanti; jew
studenti full-time (inklużi apprendisti).
Din hija l-aktar kundizzjoni bażika li trid tiġi ssodisfata. Jekk din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata inti ma tistax tikkwalifika għal din ir-rata ta’ taxxa.
Dan ifisser li jekk naħdem biss part-time u m’għandix xogħol full-time, ma nikwalifikax?
Jekk persuna waħidha jkollha impjieg part-time iżda ma tkunx impjegata full-time, dik il-persuna ma tikkwalifikax għall-benefiċċju. Madankollu xorta tista’ tikkwalifika jekk inti pensjonant jew student full-time.
Jekk individwu jkun miżżewweġ, anke jekk dik il-persuna taħdem biss part-time, tista’ tibbenefika mir-rata ta’ part-time, sakemm il-konjuġi tagħha jkollu impjieg full-time jew ikun pensjonant jew student/apprendist.
Ix-xogħol part-time irid ikun neċessarjament minn impjieg?
Le. Sakemm tikkwalifika tista’ tibbenefika mir-rata ta’ 10%: