Informazzjoni u Dokumentazzjoni Mitluba minn Persuni Maħtura fir-Rigward ta’ Kontribwenti taħt Investigazzjoni
Artikolu 14(3): Dispożizzjonijiet Ġodda: Talba għal informazzjoni mingħand persuni maħtura.
1. Min hu Persuna Maħtura?
Persuna maħtura hija kwalunkwe persuna li tista’ tkun qed taġixxi bħala mandatarju, persuna nominata, fiduċjarju, aġent, depożitarju, kustodju, taħt kuntratt ta’ xogħol jew mod ieħor, irrispettivament minn jekk tali persuna tkunx fil-pussess attwali ta’ awtorizzazzjonijiet jew tkunx eżentata milli teħtieġ tali awtorizzazzjonijiet skont xi liġi jew tkunx qed taġixxi bi ksur tal-liġi meta żżomm tali proprjetà mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex tagħmel dan mil-liġi applikabbli.
Persuna maħtura tinkludi xi waħda minn dawn li ġejjin:
persuna li jkollha liċenzja valida maħruġa skont l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju; jew
persuna li tkun liċenzjata skont l-Att dwar Servizzi ta’ Investiment; jew
persuna li tkun awtorizzata skont l-Att dwar il-Kummerċ tal-Assigurazzjoni jew irreġistrata fil-Lista ta’ Sensara skont l-Att dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji Oħra; jew
persuna li tkun awtorizzata skont l-Att dwar Trusts u Trustees biex taġixxi bħala fiduċjarju jew bħala amministratur ta’ kwalunkwe fondazzjoni privata; jew
avukati, nutara, prokuraturi legali, kontabilisti, awdituri u persuni oħra li għandhom mandati biex jeżerċitaw professjoni
2. Meta jista’ l-Kummissarju tat-Taxxa (CFR) jitlob informazzjoni mingħand persuni maħtura?
Is-CFR jista’ jitlob informazzjoni mingħand persuni maħtura jekk
Il-kontribwent ġie infurmat li se jiġi awditjat, u
Tkun saret talba għal informazzjoni direttament lilu skont id-dispożizzjonijiet tas-subartikoli (1) u (2) tal-Artikolu 14 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fuq l-Income, u
Wara li titqies l-informazzjoni disponibbli u l-ispjegazzjonijiet ippreżentati mill-kontribwent, ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex ikun issuspettat li t-taxxa ġiet, qed tiġi, jew tista’ tiġi evaża.
3. X’jikkostitwixxi raġunijiet raġonevoli ta’ suspett?
Raġunijiet raġonevoli min-naħa tas-CFR biex jissuspetta li t-taxxa ġiet, qed tiġi jew tista’ tiġi evaża minn kwalunkwe persuna għandhom jinkludu iżda ma jkunux limitati għal dan li ġej:
rifjut minn dik il-persuna li tipprovdi lis-CFR kwalunkwe dokumentazzjoni jew informazzjoni kif setgħet intalbet mingħandu mis-CFR fir-rigward ta’ kwalunkwe proprjetà li hija għandha, tippossjedi, jew iżżomm f’dak iż-żmien permezz ta’ persuna oħra inklużi persuni maħtura, jew kwalunkwe proprjetà li qabel kienet tagħha, fil-pussess tagħha jew miżmuma minnha u sussegwentement ġiet ittrasferita taħt kwalunkwe titolu minn tali persuna f’data aktar bikrija;
fejn ma jintbagħatx avviż skont l-Artikolu 29 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fuq l-Income, peress li l-kontribwent ma setax jinstab jew għal raġunijiet oħra attribwibbli għall-kontribwent, u f’konformità mal-Artikolu 29 imsemmi, is-CFR jippubblika avviż fil-Gazzetta tal-Gvern u f’gazzetta waħda jew aktar ta’ kuljum li jiddikjara li jkun sar avviż u li jistieden lill-kontribwent biex iċempel għalih fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa;
meta, wara li tintalab mis-CFR permezz ta’ avviż bil-miktub, tali persuna tonqos milli tipproduċi mingħajr ebda skuża raġonevoli kwalunkwe reġistru, rekord, dokument, kont, data elettronika u dikjarazzjoni korretta msemmija fl-Artikolu 14(2) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fuq l-Income fi żmien tletin jum mid-data tan-notifika ta’ tali avviż;
tali persuna tagħti kwalunkwe tweġiba falza, kemm verbali kif ukoll bil-miktub, għal kwalunkwe mistoqsija jew talba għal informazzjoni magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Atti dwar it-Taxxa fuq l-Income;
tali persuna tħejji jew iżżomm xi reġistru tal-kontijiet falz jew rekords foloz oħra jew tiffalsifika kwalunkwe reġistru tal-kontijiet jew rekord.
4. X’informazzjoni għandha tiġi sottomessa minn persuna maħtura?
Persuna maħtura li tirċievi tali avviż hija meħtieġa tipprovdi lis-CFR, fiż-żmien indikat f’tali avviż li ma jkunx inqas minn tletin jum mid-data tan-notifika ta’ tali avviż:
kull informazzjoni u dokumentazzjoni bħal din li jista’ jkollha u li tkun relatata ma’ proprjetà ta’ kwalunkwe tip jew deskrizzjoni, trasferita jew ikkonsenjata lilha mill-kontribwent, u
li tkun proprjetà, posseduta jew miżmuma mill-persuna maħtura taħt kwalunkwe titolu f’isem jew għall-benefiċċju tal-kontribwent, fid-data tal-avviż imsemmi jew matul il-perjodu speċifikat f’tali avviż li ma jibdiex qabel sitt snin mid-data ta’ tali avviż, u
kwalunkwe proprjetà trasferita jew ikkonsenjata lill-persuna maħtura u li ma tkunx għadha miżmuma mill-persuna maħtura jew li ġiet ikkonvertita f’forma differenti ta’ proprjetà jew żdiedet jew naqset fil-valur jew fid-daqs jew ġiet ittrasferita lil persuna maħtura oħra.
It-terminu “proprjetà” ifisser proprjetà ta’ kwalunkwe tip jew deskrizzjoni, kemm jekk mobbli jew immobbli, personali jew reali, u kull fejn tinsab, u fir-rigward ta’ drittijiet u interessi kemm jekk vestiti, kontinġenti, annullabbli jew futuri, u inklużi flus, investimenti, u ammonti f’kontijiet ta’ tfaddil, self u kontijiet bankarji oħra (kemm jekk fissi, overdraft, kurrenti, ta’ depożitu, jew mod ieħor, u kemm jekk kontijiet kummerċjali jew privati);
5. Hemm xi Informazzjoni li persuna maħtura mhijiex obbligata li tipprovdi?
Il-persuna maħtura m’għandhiex tkun marbuta li tipprovdi informazzjoni lis-CFR fir-rigward ta’:
kwalunkwe benefiċjarju, (għajr il-persuna li qed tiġi investigata jiġifieri li fir-rigward tagħha nħareġ l-avviż), li għall-benefiċċju tiegħu l-proprjetà tista’ tinżamm jew it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom tinżamm b’dan il-mod.
kwalunkwe proprjetà trasferita jew ikkonsenjata lill-persuna maħtura miżmuma fuq bażi temporanja jew bħala sempliċi amministratur għall-fini ta’ tranżazzjoni u li tkun ġiet irritornata lill-persuna li tkun qed tiġi investigata.
6. Il-persuni maħtura huma eżentati mill-obbligi tal-Kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali?
Kwalunkwe persuna maħtura li tirċievi tali avviż għandha tipprovdi lis-CFR l-informazzjoni mitluba fl-avviż u dan minkejja kull ħaġa kuntrarja fl-Atti dwar it-Taxxa fuq l-Income, kwalunkwe dispożizzjoni tal-Att dwar Segretezza Professjonali, kwalunkwe obbligu ta’ segretezza jew kunfidenzjalità, jew kwalunkwe restrizzjoni oħra relatata mal-iżvelar ta’ informazzjoni li tirriżulta minn dispożizzjoni tal-liġi jew kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor.
7. X’inhuma l-Limitazzjonijiet dwar l-użu tal-informazzjoni miksuba mis-CFR:
Is-CFR għandu jżomm kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni pprovduta lilu mill-persuna maħtura u m’għandux jiżvela tali informazzjoni lil kwalunkwe persuna oħra ħlief meta s-CFR ikun marbut bil-liġi li jagħmel tali divulgazzjoni jew meta jkun meħtieġ li juża tali informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti skont dan l-Att.
Kwalunkwe informazzjoni miksuba mis-CFR għandha tintuża minnu biss għall-fini tal-investigazzjoni li tkun qed titwettaq mis-CFR dwar jekk it-taxxa kinitx, hijiex, jew tistax tiġi evaża mill-persuna rilevanti li tkun qed tiġi investigata u, jew fi kwalunkwe proċediment relatat skont dan l-Att.
8. X’tip ta’ informazzjoni jkun jeħtieġ is-CFR?
Is-CFR jispeċifika f’avviż maħruġ taħt dan l-artikolu liema informazzjoni jeħtieġ u jekk b’referenza għall-proprjetà miżmuma fid-data tal-avviż u/jew fi kwalunkwe punt matul perjodu ta’ żmien (li ma jibdiex aktar kmieni minn sitt snin mid-data ta’ tali avviż).
9. X’jiġri jekk il-persuna maħtura ma jkollha l-ebda informazzjoni x’tirrapporta?
Jekk il-persuna maħtura li tirċievi avviż:
ma kellha l-ebda proprjetà li ġiet ittrasferita jew ikkonsenjata (kemm direttament jew indirettament permezz ta’ tranżazzjoni jew numru ta’ tranżazzjonijiet li l-persuna maħtura hija konxja minnhom) lill-persuna maħtura jew vestita f’dik il-persuna maħtura mill-persuna li fir-rigward tagħha s-CFR ħareġ avviż lill-persuna maħtura skont is-subartikolu 3(a) ta’ dan l-artikolu; jew
ikollha jew kellha l-proprjetà msemmija hawn fuq fuq bażi temporanja jew bħala sempliċi amministratur; jew
tkun irritornat il-proprjetà msemmija qabel lill-persuna li fir-rigward tagħha s-CFR ikun ħareġ avviż lill-persuna maħtura skont is-subartikolu 3(a) ta’ dan l-artikolu;
hija għandha tinforma lis-CFR dwar dan u ma jkollha l-ebda obbligu ulterjuri f’dan ir-rigward sakemm is-CFR ma jfittixx aktar informazzjoni speċifikament dwar tali ċirkostanzi.
10. Is-CFR jinforma lill-kontribwent li qed jiġi awditjat dwar tali avviż?
Meta jkun ingħata avviż mis-CFR lil persuna maħtura, is-CFR għandu, fi żmien ħmistax-il jum mill-ħruġ ta’ tali avviż, jinforma b’avviż ieħor bil-miktub lill-persuna li għaliha jkun ingħata tali avviż, li jkun ħareġ avviż skont dan l-artikolu.
11. Persuna maħtura tista’ tinforma lill-klijent tagħha b’tali avviż?
Kwalunkwe persuna maħtura li tirċievi kwalunkwe avviż bħal dan tista’ tinforma lill-klijent tagħha, lill-persuna li tkun qed tirrappreżenta, jew lil persuna oħra li setgħet ikkonsenjat, issaldat, tat b’donazzjoni jew inkella ttrasferiet proprjetà lill-persuna maħtura li rċeviet tali avviż u t-tweġiba tagħha għal dak l-avviż.
12. X’jiġri f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità minn persuni maħtura?
Is-CFR jista’ jirrapporta kwalunkwe att jew nuqqas mill-persuna maħtura lill-awtorità regolatorja rilevanti li tkun ħarġet liċenzja jew awtorizzazzjoni lil tali persuna maħtura.
Meta persuna maħtura tagħti xi informazzjoni falza, qarrieqa jew skorretta fir-rigward ta’ avviż maħruġ taħt dan is-subartikolu, din tkun ħatja ta’ reat u, meta tinsab ħatja, tkun soġġetta għal multa ta’ mhux inqas minn għaxart elef ewro (10,000) u mhux aktar minn tlieta u għoxrin elf ewro (23,000).
This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By using our website you consent to our use of cookies.