1. Kif jiġi intaxxat l-introjtu mill-ospitazzjoni tal-istudenti?
It-tassazzjoni tal-introjtu mill-ospitazzjoni tal-istudenti nbidlet mis-sena bażi 2005 ’il quddiem. Il-metodu huwa kif ġej:
◦għodd flimkien il-pagamenti kollha riċevuti mill-iskola/iskejjel tal-lingwi;
◦naqqas €3,500 (€2,330 għall-bażi 2005-2008);
◦immultiplika r-riżultat b’35% (jiġifieri ħalli 65% bħala spejjeż);
◦ir-riżultat huwa l-profitt nett derivat minn dan is-sors.
2. Tista’ tagħtini eżempju?
Eżempju: Matul l-2009, irċevejt €4,000 mill-iskola A u €2,500 mill-iskola B, jiġifieri total ta’ €6,500. Meta nnaqqas €3,500 u nimmultiplika r-riżultat b’35% nirċievi profitt nett ta’ €1,050.
3. Irrid niddikjarah fuq id-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħi?
Iva, il-profitt mill-ospitazzjoni tal-istudenti jrid jiġi ddikjarat fil-kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek. Għandek tehmeż id-dikjarazzjoni pprovduta mill-iskola/iskejjel tal-lingwi li turi t-total tal-pagamenti magħmula għas-sena.
Meta din l-attività titwettaq fuq bażi part-time, il-profitt għandu jiġi ddikjarat fuq il-formola TA22. Id-dikjarazzjoni tiegħek mill-iskola tal-lingwi tkun trid tiġi mehmuża mal-formola TA22. Ara l-mistoqsija 7 dwar ix-xogħol part-time.
4. Hemm skadenza għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa?
Id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa jridu jiġu sottomessi sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.
5. Il-Kummissarju tat-Taxxa ikun jaf x’suppost qed niddikjara bħala profitt nett mill-ospitazzjoni tal-istudenti?
Iva, id-dipartiment ikollu l-informazzjoni sħiħa mill-iskejjel tal-lingwi dwar il-pagamenti li jkunu sarulek u jkun f’pożizzjoni li jivverifika d-dikjarazzjonijiet tiegħek.
6. Jista’ l-introjtu tiegħi mill-ospitazzjoni jiġi intaxxat separatament?
Fil-każ ta’ koppja miżżewġa, jekk tali introjtu jkun qed jinkiseb mill-konjuġi responsabbli, allura għandu jiġi ddikjarat mill-konjuġi responsabbli.
Madankollu, jekk dan l-introjtu jkun qed jinkiseb mill-konjuġi l-ieħor:
◦tista’ jew ikollok l-introjtu mill-ospitazzjoni tal-konjuġi l-ieħor intaxxat skont il-komputazzjoni tat-taxxa konġunta, f’liema każ ir-rati applikabbli se jkunu dawk ta’ koppja miżżewġa; jew
◦ikollok l-introjtu mill-ospitazzjoni tal-konjuġi l-ieħor intaxxat skont il-komputazzjoni tat-taxxa separata, f’liema każ ir-rati applikabbli għaż-żewġ konjuġi jkunu dawk ta’ persuna waħidha.
7. Nista’ nittratta l-introjtu tiegħi mill-ospitazzjoni bħala xogħol part-time?
Biex tikkwalifika skont ir-Regoli dwar xogħol part-time, wieħed irid jissodisfa numru ta’ kundizzjonijiet. L-aktar kundizzjoni bażika hija li wieħed irid ikollu impjieg full-time jew pensjoni.
Wara li din il-kundizzjoni tkun issodisfata, wieħed jista’ jibbenefika mir-rata fissa speċjali ta’ 15% fuq l-ewwel €12,000 profitt nett mill-ospitazzjoni part-time tiegħu tal-istudenti. Kwalunkwe eċċess ikun irid jiġi ddikjarat fuq id-dikjarazzjoni tat-taxxa annwali. Jekk tixtieq tkun taf il-kundizzjonijiet l-oħra, nissuġġerulek tikkonsulta r-Regoli dwar Xogħol Part-time tal-1996.
Eżempju: L-introjtu totali mill-ospitazzjoni matul is-sena kien ta’ €6,000. Naqqas €3,500 u mmultiplika r-riżultat b’35% = profitt nett €875. Taxxa bi 15% = €131. Il-formola TA22 flimkien mad-dikjarazzjoni riċevuta mill-iskola tal-lingwa rreġistrata u l-pagament għandhom jaslu għand id-dipartiment sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.
8. Nista’ nibbenefika mir-rata ta’ 15% jekk din l-attività titwettaq fuq bażi part-time mill-konjuġi tiegħi?
Sakemm tissodisfa l-kundizzjoni bażika msemmija fil-mistoqsija ta’ qabel, l-introjtu li jkun daħħal il-konjuġi tiegħek jista’ jiġi intaxxat bi 15%. Fi kliem ieħor, jekk inti pensjonant jew għandek impjieg full-time, tista’ tapplika r-rata ta’ 15% fuq l-introjtu tal-konjuġi tiegħek mill-ospitazzjoni (sa massimu ta’ €12,000). Biex tkun żgur li tikkwalifika għar-rata ta’ 15%, nerġgħu nħeġġuk tikkonsulta r-Regoli dwar Xogħol Part-time tal-1996 jew tikkonsulta s-sit web tad-Dipartiment.
This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By using our website you consent to our use of cookies.