1. Biex tikkwalifika għar-rata tat-taxxa ta’ 15% fuq l-introjtu mill-kiri, il-proprjetà trid tinkera għal skopijiet residenzjali jew kummerċjali?
It-taxxa ta’ 15% fuq l-introjtu mill-kiri tapplika kemm għall-proprjetà residenzjali (mill-1 ta’ Jannar 2014) kif ukoll għall-proprjetà kummerċjali (mill-1 ta’ Jannar 2016), iżda teskludi l-kiri minn partijiet relatati. [Korp ta’ persuni jkun relatat ma’ individwu jekk ikun, direttament jew indirettament, proprjetà ta’ dak l-individwu jew ikkontrollat minnu b’aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija; u żewġ korpi ta’ persuni jkunu relatati jekk ikunu, direttament jew indirettament, proprjetà ta’ dawk il-persuni jew ikkontrollati minnhom b’aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija].
2. Ir-rata fissa ta’ 15% hija taxxa finali, u fuq liema ammont titħallas?
Iva. Ir-rata fissa ta’ 15% hija finali u ma tapplika l-ebda tpaċija jew rifużjoni. Il-15% għandhom jitħallsu fuq l-introjtu gross mill-kiri.
3. Din ir-rata tat-taxxa tapplika wkoll għal persuni mhux residenti?
Iva. Din ir-rata favorevoli tapplika kemm għall-persuni residenti kif ukoll għal dawk mhux residenti.
4. Din ir-rata tapplika għall-kumpaniji? Jekk iva, fejn għandu jiġi allokat dan l-introjtu?
Din ir-rata tapplika wkoll għall-kumpaniji. Kull kumpanija residenti f’Malta għandha talloka l-profitti distribwibbli li jirriżultaw minn tali introjtu u li fuqhom tkun tħallset taxxa ta’ 15%, għall-kont tat-taxxa finali.
5. Jekk neżerċita din l-opzjoni, għandi niddikjara dan id-dħul mill-kiri fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħi?
Le, jekk tħallas it-taxxa ta’ 15% fuq l-introjtu gross mill-kiri, m’għandekx għalfejn tiddikjara dan l-introjtu fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek peress li inti individwu.
6. Il-15% huma fakultattivi jew obbligatorji?
Il-15% huma fakultattivi. Wieħed jista’ jagħżel li jiddikjara l-introjtu nett mill-kiri fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu u jiġi intaxxat bir-rati normali minflok bir-rata fissa ta’ 15%. Madankollu, ladarba din l-opzjoni tiġi eżerċitata hija tapplika għall-introjtu totali mill-kiri riċevut fl-imsemmija sena mill-fondi kollha mikrija minn tali persuna (sakemm il-fondi jikkwalifikaw għal din ir-rata).
7. Minn meta tapplika din ir-rata?
Din ir-rata tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014 għall-proprjetà residenzjali u mill-1 ta’ Jannar 2016 għall-proprjetà kummerċjali.
8. Jekk inqast milli niddikjara l-introjtu mill-kiri derivat minn proprjetajiet residenzjali jew garaxx, fl-aħħar snin, nista’ nibbenefika mir-rata ta’ taxxa ta’ 15% fuq dan l-introjtu mill-kiri mhux iddikjarat fil-passat?
Le. L-opzjoni li tibbenefika minn tali rata kienet permissibbli biss sat-30 ta’ Ġunju 2015. Għalhekk, tali introjtu mhux iddikjarat irid jiġi ddikjarat, u issa huwa soġġett għat-taxxa taħt ir-rati progressivi normali.
9. Fir-rigward tal-kumpaniji, x’inhi l-proċedura fil-każ ta’ introjtu mhux iddikjarat mill-kiri?
Jekk kumpanija kienet qed tirċievi introjtu mill-kiri fis-snin li għaddew li ma ġiex iddikjarat għal skopijiet ta’ taxxa, għandha tiġi sottomessa AF2 u t-taxxa tiġi ċċarġjata b’35%.
10. Hemm xi formoli preskritti li għandi nissottometti biex inħallas it-taxxa ta’ 15% fuq l-introjtu mill-kiri u meta rrid nissottometti dawn il-formoli?
Il-formola TA24 flimkien mal-pagament għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April tas-sena ta’ wara s-sena rilevanti.
11. Hemm xi penali għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-introjtu mill-kiri?
Irrispettivament minn jekk tiġix eżerċitata l-opzjoni li l-introjtu mill-kiri jiġi intaxxat bir-rata fissa ta’ 15% jew le, kwalunkwe introjtu mill-kiri mhux iddikjarat għandu jkun soġġett għat-taxxa bir-rata ta’ 35% fuq l-introjtu gross mill-kiri, flimkien mal-imgħax u t-taxxa addizzjonali pagabbli skont l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income, wara investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet tat-taxxa.
12. Ladarba persuna teżerċita l-opzjoni li l-introjtu mill-kiri jiġi intaxxat bir-rata ta’ 15%, din l-għażla hija irrevokabbli, jew dik il-persuna tista’ tiddeċiedi li tiddikjara l-introjtu mill-kiri fid-dikjarazzjoni tat-taxxa, u titlob lura t-taxxa ta’ 15%?
It-taxxa ta’ 15% hija taxxa finali u ma tistax tintalab lura.
13. Jekk persuna tiddeċiedi li tieħu l-opzjoni li l-introjtu mill-kiri jiġi intaxxat bi 15%, dik il-persuna hija marbuta bir-reġim tat-taxxa finali ta’ 15% għal dejjem, jew tista’ tagħżel li toħroġ minn dan ir-reġim?
L-għażla jekk teżerċitax l-opzjoni jew le ssir kull sena. Għalhekk persuna jista’ jkollha l-introjtu mill-kiri intaxxat bi 15% f’sena waħda, u s-sena ta’ wara tiddeċiedi li tiddikjara l-introjtu fid-dikjarazzjoni tat-taxxa biex jiġi ntaxxat bir-rati tat-taxxa normali applikabbli.
This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By using our website you consent to our use of cookies.