Nota ta’ Gwida dwar it-Trattament tat-Taxxa tat-Trusts
Linji gwida dwar it-trattament tat-taxxa ta’ Malta u l-obbligu amministrattiv fir-rigward ta’ trusts, inklużi dawk amministrati mill-Amministraturi ta’ Skemi tal-Irtirar liċenzjati mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta
Din il-gwida tapplika għal kwalunkwe trust li fi kwalunkwe żmien mill-1 ta’ Jannar 2012 ’il quddiem kellha mill-inqas fiduċjarju wieħed li huwa residenti f’Malta u tikkostitwixxi linja gwida għall-finijiet tal-Artikolu 96(2) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
Din il-gwida hija maħsuba biex tappoġġa lill-prattikanti, u lill-amministraturi ta’ fondi tal-irtirar liċenzjati mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, f’dak li jirrigwarda materji amministrattivi relatati mat-tassazzjoni ta’ trusts, u distribuzzjonijiet minn trusts, li jkunu amministrati f’Malta jew minn Malta.
A – Ir-Reġistrazzjoni tat-Trusts
Il-fiduċjarji għandhom l-obbligu li jirreġistraw it-Trusts skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2(1) tar-Regolamenti dwar Trusts (Taxxa fuq l-Income) . F’dawk il-każijiet fejn il-fiduċjarji jixtiequ jirreġistraw trusts li ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2(1) tar-Regolamenti dwar Trusts (Taxxa fuq l-Income), il-Kummissarju tat-Taxxa jippermetti tali reġistrazzjonijiet għal skopijiet ta’ taxxa jekk jintalab jagħmel dan mill-fiduċjarji. Jekk il-fiduċjarju jagħżel din ir-reġistrazzjoni, allura din titqies irrevokabbli sakemm it-trust tiġi tterminata jew sakemm it-trust ma jkollha l-ebda fiduċjarju li jkun residenti f’Malta.
Fiduċjarji residenti li ngħataw awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 43(3) tal-Att dwar Trusts u Trustees (jew li mhumiex meħtieġa jiksbu tali awtorizzazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(6) ta’ dak l-Att) u li għamlu għażla skont l-Artikolu 27D(1) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (https://legislation.mt/eli/cap/123/mt/pdf) għandhom l-obbligu li jirreġistraw it-trust rilevanti sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament 5 tar-Regolamenti dwar Trusts (Taxxa fuq l-Income).
Meta trust tkun irreġistrata għal skopijiet ta’ taxxa fuq l-introjtu, il-fiduċjarju jkun obbligat jissottometti dikjarazzjoni skont l-Artikolu 24A tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fuq l-Income u r-Regolament 6 tar-Regolamenti dwar Trusts (Taxxa fuq l-Income).
B – Ir-Reġistrazzjoni tal-Benefiċjarji ta’ Trusts
Id-distribuzzjonijiet li jsiru lill-benefiċjarji jistgħu jikkostitwixxu introjtu li huwa taxxabbli f’Malta. Fejn dan ikun il-każ, il-benefiċjarji ta’ dawn it-trusts huma meħtieġa jirreġistraw għal skopijiet ta’ taxxa fuq l-introjtu u jibagħtu dikjarazzjoni tat-taxxa annwali.
C – Il-Karatterizzazzjoni tad-Distribuzzjonijiet magħmula lill-Benefiċjarji minn Fond jew Skema tal-Irtirar
L-introjtu minn fond jew skema tal-irtirar li jkunu liċenzjati, irreġistrati jew awtorizzati b’mod ieħor mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li Jirregola Fondi Speċjali normalment huwa meqjus li jikkostitwixxi introjtu operatorju u jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Din il-karatterizzazzjoni tapplika wkoll għal fondi jew skemi tal-irtirar li jkunu kkostitwiti bħala trusts.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27D(1)(b) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income, l-opzjoni li ssir għażla skont l-Artikolu 27(D)(1)(c) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income mhijiex disponibbli meta l-introjtu attribwibbli lit-trust ikun fil-forma ta’ introjtu operatorju. Għalhekk, meta fond jew skema ta’ rtirar tkun kostitwita bħala trust li tkun liċenzjata, irreġistrata jew awtorizzata mod ieħor mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li Jirregola Fondi Speċjali u tkun meqjusa wkoll li għandha introjtu tat-tip operatorju, il-fiduċjarju ma jistax jagħżel skont l-Artikolu 27D(1) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
F’konformità mal-Linji Gwida dwar it-trattament tat-taxxa ta’ Malta tal-Benefiċċji għall-Irtirar li jirriżultaw minn Fondi jew Skemi tal-Irtirar maħruġa fil-25 ta’ Lulju 2012, peress li skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li Jirregola Fondi Speċjali, l-iskop prinċipali ta’ skema applikabbli huwa li tipprovdi benefiċċji tal-irtirar, id-distribuzzjonijiet tal-introjtu lil individwi li jkunu benefiċjarji ta’ trust li għaliha japplika l-paragrafu 6 ta’ dawn il-linji gwida għandhom jiġu kkaratterizzati bħala pensjonijiet għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(d) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
D – Ir-Reġistrazzjoni ta’ Benefiċjarji ta’ Trusts li jkunu liċenzjati, irreġistrati jew awtorizzati b’mod ieħor mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li Jirregola Fondi Speċjali
Skont dak li ntqal hawn fuq, il-benefiċjarji ta’ trusts li jirċievu distribuzzjonijiet meqjusa bħala pensjoni li tirriżulta f’Malta huma meħtieġa jirreġistraw għal skopijiet ta’ taxxa fuq l-introjtu Maltija u jissottomettu dikjarazzjoni tat-taxxa annwali skont l-Artikolu 10 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fuq l-Income. Dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu meħtieġa li jinkludu wkoll dettalji ta’ kwalunkwe taxxa miżmuma mill-fiduċjarji minn ras il-għajn fuq id-distribuzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jew, jekk iddistribwiti mingħajr taxxa minn ras il-għajn minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ trattat dwar it-taxxa doppja, allura jeħtieġ li jiġu pprovduti dettalji tal-benefiċċji tat-trattat li qed jintalbu, flimkien ma’ evidenza tar-residenza tat-taxxa tar-riċevitur. Idealment tali evidenza għandha tkun fil-forma ta’ ċertifikat ta’ residenza tat-taxxa maħruġ mill-awtorità tat-taxxa tal-ġuriżdizzjoni li fiha jkun residenti l-benefiċjarju. Meta ma jkunx possibbli li jinkiseb tali ċertifikat, din l-evidenza tista’ tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni mill-benefiċjarju lill-fiduċjarju appoġġata minn dokumentazzjoni rilevanti (eż. kontijiet tal-utilitajiet esklużi telefowns ċellulari).
Il-fiduċjarji li jkunu residenti f’Malta huma obbligati jinfurmaw lill-benefiċjarji rilevanti dwar ir-rekwiżit li jirreġistraw għal finijiet ta’ taxxa fejn dan jeżisti. Il-benefiċjarji jistgħu jawtorizzaw bil-miktub lill-fiduċjarju biex jirreġistrahom u jimla kwalunkwe dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu meħtieġa f’isimhom.
This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By using our website you consent to our use of cookies.