Nota ta’ Gwida dwar il-Benefiċċji mill-Iskemi tal-Irtirar
Linji Gwida dwar it-trattament tat-taxxa ta’ Malta tal-Benefiċċji għall-Irtirar li jirriżultaw minn Fondi jew Skemi tal-Irtirar Din in-nota ta’ gwida tapplika għal kwalunkwe benefiċċju derivat minn fond jew skema tal-irtirar li huma liċenzjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li Jirregola Fondi Speċjali* jew kwalunkwe Att li jissostitwixxi dak l-Att. Tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012 ’il quddiem u tikkostitwixxi linja gwida għall-finijiet tal-Artikolu 96(2) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Hija maħsuba biex tipprovdi gwida lill-prattikanti, lill-amministraturi tal-fondi tal-irtirar liċenzjati/rikonoxxuti mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u lill-benefiċjarji ta’ tali fondi jew skemi li huma amministrati f’Malta jew minn Malta. A – Tassazzjoni tal-Fond jew tal-Iskema tal-Irtirar Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1)(d) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income, l-introjtu minn kwalunkwe fond tal-irtirar jew skema tal-irtirar li huma liċenzjati, irreġistrati jew b’xi mod ieħor awtorizzati skont l-Att li Jirregola Fondi Speċjali* jew kwalunkwe Att li jissostitwixxi dak l-Att huwa eżentat mit-taxxa fuq l-introjtu sakemm dan l-introjtu ma jkunx derivat minn proprjetà immobbli li tinsab f’Malta. B – Tassazzjoni ta’ Benefiċċji derivati minn Fond jew Skema tal-Irtirar Minħabba li skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li Jirregola Fondi Speċjali*, l-iskop prinċipali ta’ kwalunkwe fond jew skema bħal dawn huwa li tipprovdi benefiċċji tal-irtirar; dawn il-benefiċċji tal-irtirar għandhom jiġu kkaratterizzati bħala pensjoni għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(d) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Kwalunkwe somma kapitali riċevuta permezz ta’ kommutazzjoni ta’ pensjoni tibqa’ eżentata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1)(h) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Dawn il-benefiċċji huma meqjusa li jirriżultaw f’Malta u għaldaqstant huma taxxabbli. Fid-determinazzjoni tat-trattament tat-taxxa ta’ tali benefiċċji, jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lil kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti li tinsab fi kwalunkwe trattat applikabbli dwar it-taxxa doppja. C – Reġistrazzjoni tal-Benefiċjarji Skont dak li ntqal hawn fuq, il-benefiċjarji li jirċievu benefiċċji tal-irtirar meqjusa bħala pensjoni li tirriżulta f’Malta huma meħtieġa jirreġistraw għal finijiet ta’ taxxa fuq l-introjtu Maltija u jissottomettu dikjarazzjoni tat-taxxa annwali skont l-Artikolu 10 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fuq l-Income. Dawn id-dikjarazzjonijiet jridu jinkludu wkoll dettalji ta’ kwalunkwe taxxa miżmuma minn ras il-għajn fuq id-distribuzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jew, jekk distribwit mingħajr taxxa minn ras il-għajn minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ trattat dwar it-taxxa doppja, allura jkunu jridu jiġu pprovduti dettalji tal-benefiċċji tat-trattat li jkunu qed jintalbu, flimkien ma’ evidenza tar-residenza tat-taxxa tar-riċevitur. Idealment tali l-evidenza għandha tkun fil-forma ta’ ċertifikat ta’ residenza tat-taxxa maħruġ mill-awtorità tat-taxxa tal-ġuriżdizzjoni li fiha jkun residenti l-benefiċjarju. Meta ma jkunx possibbli li jinkiseb tali ċertifikat, l-evidenza tista’ tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni mill-benefiċjarju lill-fiduċjarju appoġġata minn dokumentazzjoni rilevanti (eż. kontijiet tal-utilitajiet esklużi telefowns ċellulari). * Jekk jogħġbok innota li dan ġie ssostitwit u mħassar mill-Att dwar Pensjonijiet tal-Irtirar, Kap. 514. |
The form was submitted successfully!