EORI
[email protected]
Sfond
L-għan għall-istabbiliment tas-sistema EORI (Economic Operators Registration Identification - Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi) huwa li tippermetti li kull negozjant li jinteraġixxi direttament mal-Awtoritajiet Doganali fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE jiġi allokat numru ta’ referenza uniku. Dan in-numru ta’ referenza huwa validu fil-Komunità kollha tal-UE u jservi bħala referenza komuni għall-interazzjoni tan-negozjant mal-Awtoritajiet Doganali ta’ kwalunkwe Stat Membru. Din is-sistema ilha tintuża min-negozjanti fid-dikjarazzjoni doganali kollha mill-1 ta’ Lulju 2009. Dan in-numru jintuża wkoll għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet Doganali tal-UE u fejn xieraq, bejn id-Dwana u awtoritajiet oħrajn eż. awtoritajiet tal-istatistika.
Sabiex timminimizza t-tfixkil għan-negozjanti minħabba l-ħolqien ta’ aktar numri ta’ identifikazzjoni, id-Dwana ddeċidiet li tallinja n-numru EORI man-numru tal-VAT biex tevita sitwazzjoni fejn in-negozjanti jkollhom jagħmlu aġġustamenti sinifikanti fis-sistemi elettroniċi interni tagħhom stess.
Elementi tal-EORI
Hemm żewġ elementi distinti separati għas-sistema EORI, wieħed fil-livell nazzjonali jew ta’ Stat Membru u wieħed fil-livell tal-UE.
1. Livell Nazzjonali jew ta’ Stat Membru
L-Awtorità Doganali ta’ Malta tassenja numru ta’ identifikazzjoni uniku, magħruf bħala EORI, lil kull negozjant li jinteraġixxi mad-Dwana. In-negozjanti huma meħtieġa jużaw dan in-numru EORI fit-tranżazzjonijiet (dikjarazzjonijiet) kollha ppreżentati minnhom jew f’isimhom, irrispettivament mill-Istat Membru li fih jiġu ppreżentati dawn id-dikjarazzjonijiet. Dan in-numru ta’ identifikazzjoni uniku huwa validu għall-użu fl-Istat Membru kollu.
2. Bażi tad-data EORI ċentrali tal-UE
Id-Dwana ta’ Malta mbagħad għandha l-obbligu li tipprovdi d-dettalji lill-Kummissjoni Ewropea ta’ dawk in-negozjanti kollha li ġew assenjati numru EORI. Dawn id-dettalji jinżammu fuq bażi tad-data ċentrali tal-UE miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea, li fiha wkoll informazzjoni simili pprovduta mis-27 Stat Membru l-oħra. L-aġġornamenti li jsiru fil-bażi tad-data EORI nazzjonali tad-Dwana ta’ Malta jiġu kkomunikati lill-bażi tad-data ċentrali tal-UE f’intervalli regolari. Entrati uffiċjali ġodda fis-sistema jittellgħu matul il-lejl u għalhekk, in-numru jkun disponibbli b’mod uffiċjali l-għada.
Il-bażi tad-data ċentrali tal-UE għandha wkoll karatteristika għall-użu pubbliku li tippermetti lil partijiet terzi jaraw ċerti dettalji limitati tan-negozjanti kollha rreġistrati bl-EORI (jiġifieri n-numru EORI, l-isem u l-indirizz). Din qiegħda hemm primarjament biex tiġi ffaċilitata sitwazzjoni fejn il-parti terza tkun qed twettaq xi attività doganali (bħal meta tagħmel dikjarazzjoni doganali) f’isem negozjant u jeħtieġ li tkun taf in-numru EORI. Madankollu, l-aċċess minn parti terza għall-bażi tad-data se jkun permess biss f’ċirkostanzi fejn negozjant ikun ta kunsens speċifiku u infurmat bil-miktub għall-pubblikazzjoni ta’ dawk id-dettalji. Id-Dwana ta’ Malta tavviċina l-kwistjoni fuq il-bażi li l-ebda informazzjoni fir-rigward ta’ negozjant Malti ma għandha tiġi ppubblikata qabel ma n-negozjant ikun b’mod speċifiku mela u bagħat formola ta’ kunsens lid-Dwana ta’ Malta, formola li tagħti awtorità lid-Dwana ta’ Malta biex tippubblika l-isem u l-indirizz ta’ dak in-negozjant partikolari fuq l-internet.
Struttura tan-numru EORI
In-numri EORI Maltin huma preċeduti bil-prefiss MT. Ittieħdet deċiżjoni biex in-numri EORI jiġu allinjati man-numru tal-VAT u għalhekk, in-numri EORI Maltin huma ekwivalenti għan-numru tal-VAT tan-negozjant, b’xi eċċezzjoni żgħira. Dan ifisser li n-negozjanti għandhom ikunu qed idaħħlu fid-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni u l-esportazzjoni n-numru tal-VAT attwali tagħhom bil-prefiss MT. Huwa importanti li ma jiddaħħal l-ebda spazju, sing jew xi karattru ieħor fin-numru. Dan ifisser li n-numru għandu jkun kontinwu. (eż. MT12345678).
Għall-validazzjoni inti ġentilment mitlub tiċċekkjah permezz tal-link li ġej – https://ec.europa.eu/taxation_customs/dds2/eos/eori_validation.jsp?
L-eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq ikopru n-negozjanti li mhuma bbażati fl-ebda Stat Membru tal-UE iżda li jeħtieġu EORI sabiex jagħmlu t-tranżazzjonijiet mad-Dwana. Dawn għandhom l-obbligu li jiksbu n-numru EORI tagħhom fl-ewwel Port tal-Waqfa wara l-1 ta’ Jannar 2010. Jekk l-ewwel port tal-waqfa tagħhom ikun Malta, huma jiġu assenjati numru EORI speċjali li jinkludi l-prefiss MT flimkien mal-pajjiż fejn ikunu bbażati u numru speċjali. Pereżempju, trasportatur Tork jeħtieġ li jissottometti dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul (ENS, entry summary declaration) lil Malta. Huma jkunu jeħtieġu numru EORI. In-numru maħruġ ikun MTTR9***** fejn l-asterisk jindika kwalunkwe numru partikolari assenjat mill-Uffiċċju Doganali Malti.
Użu tan-numru EORI fid-dikjarazzjonijiet
In-numru EORI għandu jintuża fil-kaxxi 2, 8 u 14 tad-dikjarazzjoni SAD. Madankollu, wieħed għandu jinnota li n-numru EORI ma jissostitwixxix in-numru ta’ referenza tal-Kontabilità (kaxxa 48) li jirregola l-ħlas tad-dazji u t-taxxi.
Mhuwiex possibbli għan-negozjanti rreġistrati b’EORI li jużaw kwalunkwe numru ieħor fil-kaxxi 2, 8 jew 14 u d-dikjarazzjonijiet li fihom jintuża kwalunkwe numru ieħor f’dawn il-kaxxi se jiġu rrifjutati.
Kif indikat qabel, in-negozjanti kollha rreġistrati fid-Direttorju tan-Negozju Doganali sal-1 ta’ Lulju 2009 ġew awtomatikament assenjati numru EORI biex jużawh minn dik id-data ’l quddiem. Sussegwentement, kwalunkwe negozjant li jixtieq jimporta jew jesporta l-oġġetti, jeħtieġ li jinforma lid-Dwana qabel jagħmel id-dikjarazzjoni doganali sabiex ikollu numru EORI assenjat. Jekk jogħġbok ħu nota li, kif intqal ukoll qabel, in-numri EORI jittellgħu uffiċjalment fil-Bażi tad-Data Ċentrali tal-UE matul il-lejl ta’ wara. Għalhekk, in-negozjanti li jixtiequ jirreġistraw għandhom iqisu dan meta japplikaw jew jużaw kwalunkwe wieħed mis-servizzi Doganali.
Reġistrazzjoni għal EORI
In-negozjanti li jixtiequ jirreġistraw għal numru EORI jistgħu jimlew l-applikazzjoni online u jibagħtu t-talba.
Wieħed jista’ jiċċekkja l-validità permezz ta’ Google 24/48 siegħa wara s-sottomissjoni, minbarra fi tmiem il-ġimgħa u l-festi pubbliċi. Qabel timla din il-formola, jekk jogħġbok aqra n-noti ta’ spjegazzjoni disponibbli hawnhekk.
Qabel tissottometti din l-applikazzjoni trid ittella’ dokument pdf wieħed li jinkludi ċ-Ċertifikat tal-VAT (jekk applikabbli), iċ-Ċertifikat tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpanija maħruġ mir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (MBR) (jekk applikabbli), flimkien mal-karta tal-identità jew il-passaport ta’ wieħed mid-diretturi (diretturi barranin biss). Id-diretturi Maltin huma mitluba jiktbu l-isem sħiħ u n-numru tal-karta tal-identità tagħhom.
Negozjant mhux stabbilit fit-territorju doganali tal-komunità se jiġi rreġistrat mill-awtorità doganali tal-Istat Membru fejn titwettaq waħda minn dawn li ġejjin:
Dikjarazzjoni doganali magħmula f’konformità mal-Artikoli 225 sa 238 tar-Regolament (KEE) 2454/93 jew dikjarazzjoni doganali magħmula għall-proċedura ta’ aċċettazjoni ta’ dħul temporanju,
In-numru EORI huwa riflessjoni tan-numru tal-VAT. L-att dwar il-VAT, kapitolu 406 tal-liġijiet ta’ Malta, jiddikjara li n-numru tal-VAT jista’ jiġi assenjat lil persuna (fiżika jew korporattiva).
Għal-leġiżlazzjoni li għandha x’taqsam mal-VAT jekk jogħġbok agħfas hawn.
F’każ ta’ assistenza, tista’ tibagħtilna email fuq [email protected] jew tikkuntattjana fuq 25685121.
Kors ta’ tagħlim elettroniku dwar EORI
Aktar informazzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ tagħlim qasir elettroniku hija disponibbli biex titniżżel mis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea
The form was submitted successfully!