Aġġornat l-Aħħar: 19/05/2020
Trasferimenti Taxxabbli skont l-Artikolu 5 tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income
1. Jekk nagħżel li niġi intaxxat skont l-Artikolu 5 (taxxa fuq il-qligħ kapitali), kif se niġi intaxxat?
Jekk tagħżel li tiġi intaxxat skont l-Artikolu 5, inti se tħallas taxxa provviżorja fuq l-att b’7%. Għażla tista’ ssir biss fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 5A (3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. (Irreferi għall-Mistoqsija Komuni 8 – Sistema Ġdida tat-Taxxa fuq il-Proprjetà)
Imbagħad ikollok tiddikjara l-qligħ fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu tiegħek. Biex tikkalkula l-qligħ taxxabbli trid tara jekk it-trasferiment huwiex taxxabbli fuq il-profitti tan-negozju jew il-qligħ kapitali.
Negozju
Jekk il-qligħ huwa taxxabbli bħala profitt tan-negozju, dan jiġi intaxxat skont l-Artikolu 4 u trid tiddikjarah bl-istess mod bħall-profitti tan-negozju l-oħra kollha. Inti se titħalla tnaqqas l-ispiża tal-akkwist u spejjeż oħra li saru fil-produzzjoni tal-introjtu. Il-profitt nett għandu jiġi ddikjarat fil-kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek. Għandu jiġi mehmuż kont tal-profitt u t-telf.
Ir-Regoli dwar it-Taxxa fuq Trasferimenti tal-Proprjetà L.S. 123.92 jistabbilixxu liema rekords għandhom jinżammu fir-rigward tal-attività tan-negozju tal-proprjetà tiegħek, minbarra r-rekords tan-negozju l-oħra; kif tistabbilixxi l-ispiża tal-akkwist u l-valur tat-trasferiment f’ċerti każijiet; u kif talloka l-ispejjeż f’każ ta’ proġett.
Qligħ kapitali
Jekk it-trasferiment huwa taxxabbli bħala qligħ kapitali, huwa jiġi intaxxat skont l-Artikolu 5. Inti tingħata permess għal tnaqqis għall-ispiża tal-akkwist u t-tnaqqis l-ieħor imsemmi mill-Artikolu 5 u r-Regoli dwar il-Qligħ Kapitali relattivi L.S. 123.27. Regoli speċjali dwar liema rekords għandhom jinżammu japplikaw f’dan il-każ ukoll.
Jekk it-taxxa fuq il-qligħ kapitali jew fuq il-profitti tan-negozju, skont il-każ, tkun inqas mit-taxxa li diġà tkun ħallast bħala taxxa provviżorja, inti tingħata lura t-taxxa żejda li tkun ħallast. Jekk jirriżulta li din tkun iktar, se jkollok tħallas il-bilanċ.
2. Liema tnaqqis nista’ nitlob biex nikkalkula l-qligħ kapitali skont l-Artikolu 5?
Biex tikkalkula l-qligħ kapitali skont l-Artikolu 5 tista’ titlob it-tnaqqis li ġej:
3. Tista’ tagħti eżempju?
Eżempju: Proprjetà nxtrat fl-2003 għal €60,000. Twettaq xogħol ta’ titjib ta’ €10,000 fl-istess sena. Tħallas ammont ta’ €3,000 bħala taxxa, u t-tariffi notarili ammontaw għal €500. Il-proprjetà nbiegħet fl-2006 għal €150,000. It-trasferitur għażel li jkun intaxxat skont l-Artikolu 5. L-għażla tista’ ssir biss fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 5A (3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Il-qligħ kapitali huwa kkalkulat kif ġej:
Prezz tal-Bejgħ: €150,000
Naqqas l-ispiża tal-akkwist u tnaqqis permess ieħor
L-ispiża tal-proprjetà għal kull att tax-xiri: €60,000
Ix-xogħol ta’ titjib li sar fl-2003: €10,000
Tariffi legali u notarili: €500
Taxxa fuq dokumenti mħallsa mal-akkwist: €3,000
Inflazzjoni (ikkalkulata kif ġej)
Spiża tal-akkwist x indexyd - indexya / indexya
yd = indiċi għas-sena immedjatament qabel dik li fiha jsir it-trasferiment;
ya = indiċi għas-sena immedjatament qabel dik li fiha kienet inkisbet il-proprjetà;
F’dan il-każ napplikaw l-indiċi għas-snin 2002 (638.54) u 2005 (684.88), jiġifieri:
70,000 x 684.88 - 638.54 / 638.54
= € 5,080
Allowance għall-manteniment
(0.4% tal-prezz għal kull sena), jiġifieri 70,000 x 0.004 x 3 = €840
Spiża totali tal-akkwist u tnaqqis permess ieħor: €79,420
Qligħ kapitali li għandu jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni tat-taxxa: €70,580
Il-qligħ ta’ €70,580 jiżdied mal-introjtu l-ieħor tiegħek għas-sena u t-total jiġi intaxxat bir-rati normali li huma applikabbli għalik. Jekk l-introjtu l-ieħor tiegħek diġà laħaq il-livell tat-taxxa ta’ 35%, il-qligħ kapitali kollu li jammonta għal €70,580 jiġi intaxxat b’35% u għalhekk, it-taxxa tkun daqs €24,704.
In-nutar kien ikun diġà żamm 7% ta’ €150,000 bħala taxxa provviżorja, jiġifieri €10,500. Għalhekk, ikollok tħallas il-bqija tal-bilanċ li jammonta għal €24,704 - €10,500 = €14,204. Dan l-ammont għandu jitħallas meta tippreżenta d-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek.
Diviżjoni tal-Propjetà
1. Jien u ħija writna żewġ proprjetajiet. Issa se nieħdu proprjetà kull wieħed. Hemm xi taxxa involuta?
Meta ma jkun dovut l-ebda kumpens (owelty), id-diviżjoni ma tkunx taxxabbli. Se jitqies li ma sar l-ebda kumpens jekk il-valur tal-ishma jkun daqs il-valur tal-assi assenjati lil kull koproprjetarju. F’dan il-każ, jekk inti u ħuk writtu nofs sehem kull wieħed, u ż-żewġ proprjetajiet għandhom l-istess valur, l-ebda taxxa ma għandha titħallas.
2. Jien u ħuti writna żewġ proprjetajiet, somma ta’ flus u xi oġġetti tad-deheb. Tnejn minna se jieħdu proprjetà waħda kull wieħed; l-ieħor/oħra se jieħu/tieħu l-flus u l-oġġetti tad-deheb. Mhux se jkun hemm kumpens minħabba li t-tliet ishma huma ta’ valur ugwali. Se neħlu taxxa?
Lanqas f’dan il-każ mhi dovuta t-taxxa. Il-flus u l-oġġetti tad-deheb mhumiex ikkunsidrati bħala kumpens minħabba li huma parti mill-wirt innifsu. It-taxxa kienet tkun dovuta kieku kien hemm xi kumpens dovut lil xi wieħed minnkom.
3. Jien u ħija writna dar mingħand missierna. Id-dar se jeħodha ħija u hu se jikkumpensani billi jħallasni somma ta’ flus. Se neħel taxxa?
Ejja ngħidu li l-valur tal-proprjetà fiż-żmien tal-wirt kien ta’ €40,000. Għalhekk, kull wieħed minnkom wiret €20,000. Illum il-valur tal-proprjetà huwa ta’ €60,000, għalhekk, is-sehem tagħkom huwa ta’ €30,000 kull wieħed. Għalhekk, il-kumpens dovut lilek huwa ta’ €30,000 li mhux se jitħallas mill-proprjetà komuni jew minn assi oħra.
Huwa meqjus li fid-diviżjoni, inti ttrasferejt nofs id-dar lil ħuk. Jekk id-dar intirtet wara l-24 ta' Novembru 1992, trid tħallas it-taxxa fuq il-valur tat-trasferiment ta’ nofs id-dar nieqes il-valur ta’ nofs il-wirt, jiġifieri 12% fuq (€30,000 - €20,000) = €1,200. Jew tista’ tagħżel li tħallas it-taxxa finali minn ras il-għajn fuq l-owelty dovut; ir-rata tiddependi fuq is-sena li fiha ntirtet il-proprjetà, skont l-Artikolu 5A(5)(b) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
Meta jkun involut xi kumpens, huwa rrakkomandat li tfittex parir professjonali minħabba li ħafna drabi, il-kalkoli rilevanti jkunu pjuttost ikkumplikati. Għal iktar dettalji dwar it-taxxa fuq it-trasferimenti li jinvolvu owelty, ara r-Regoli dwar it-Taxxa fuq Trasferimenti tal-Proprjetà L.S. 123.92.
Iktar dwar is-Sistema tat-Taxxa Finali (Artikolu 5A – Taxxa fuq Trasferimenti tal-Proprjetà)
1. Xtajt proprjetà madwar 15-il sena ilu u l-valur tas-suq tagħha llum huwa ta’ €100,000. Jiena se nibdilha ma’ proprjetà ta’ persuna oħra li din il-persuna wirtet fl-1999 meta l-valur tagħha kien ta’ €30,000. Illum din tiswa €96,000. Kif se niġu intaxxati?
Meta proprjetà tiġi ttrasferita permezz ta’ skambju, il-partijiet jitqiesu li jkunu għamlu żewġ trasferimenti separati.
Il-proprjetà li nxtrat 15-il sena ilu tiġi intaxxata b’10% fuq €100,000 = €10,000.
Il-persuna l-oħra li wirtet il-proprjetà ta’ €30,000 qed tittrasferixxi l-proprjetà meta din issa tiswa €96,000. Għalhekk, hija għandha tħallas 12% fuq (€96,000 - €30,000) = €7,920. Jew tista’ tagħżel li tħallas it-taxxa finali minn ras il-għajn fuq il-valur tat-trasferiment, f’dan il-każ 10% fuq €96,000 peress li l-proprjetà ntirtet fis-sena 1999 (jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2004).
Li kieku l-proprjetà ntirtet qabel il-25 ta’ Novembru 1992, it-taxxa kienet tkun 7% fuq €96,000 = €6,720.
2. Se nagħmel kuntratt ta’ enfitewsi. Kif niġi intaxxat fuq iċ-ċens mħallas lili?
Meta tassenja proprjetà permezz ta' enfitewsi jew sottoenfitewsi, iċ-ċens li tirċievi jiġi intaxxat bħala introjtu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u jrid jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek bħala introjtu derivat mill-proprjetà. It-taxxa titħallas għal kull sena li matulha tirċievi ċ-ċens.
Madankollu, jekk minbarra ċ-ċens tirċievi wkoll primjum, trid tħallas it-taxxa finali minn ras il-għajn fuq il-primjum nieqes kwalunkwe tnaqqis permess.
3. Kif jiġu intaxxati t-tifdijiet taċ-ċens?
Tifdija taċ-ċens tiġi intaxxata mat-taxxa finali minn ras il-għajn. Madankollu, meta ċ-ċens jiġi mifdi permezz ta’ skeda tat-tifdija, ir-Reġistratur tal-Qorti għandu jnaqqas mid-depożitu 10% tas-somma pagabbli għat-tifdija. L-10% huma provviżorji.
Bħal f’każijiet oħra, jekk inti writt il-proprjetà li qed tassenja permezz ta’ enfitewsi, jew li fir-rigward tagħha kont qed tirċievi ċens li ġie mifdi, u inti writt il-proprjetà wara l-24 ta’ Novembru 1992, l-ammont taxxabbli jitnaqqas bil-valur tal-akkwist.
L-istess jgħodd jekk ksibt il-proprjetà permezz ta’ donazzjoni li saret iktar minn 5 snin qabel ma assenjajtha permezz tal-enfitewsi, skont il-każ.
Madankollu, f’każijiet bħal dawn, il-valur tal-akkwist mhuwiex permess kompletament bħala tnaqqis, minħabba li ma tkunx qed tittrasferixxi l-proprjetà kollha.
Ir-Regoli dwar it-Taxxa fuq Trasferimenti tal-Proprjetà L.S. 123.92 jagħtu iktar dettalji dwar il-kalkolu tal-valur tal-akkwist f’każijiet bħal dawn.
Xi Trasferimenti li huma Eżentati mit-Taxxa
(FAQ 9 taħt is-‘Sistema Ġdida tat-Taxxa fuq il-Proprjetà’ telenka l-eżenzjonijiet kollha preskritti skont l-Artikolu 5A tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income)
1. Jien ilni ngħix fi proprjetà għal aktar minn tliet snin b’permess maħruġ mill-Awtorità tad-Djar skont konvenju minn dik l-Awtorità, iżda l-kuntratt sar biss din is-sena. Issa beħsiebni nbigħ il-proprjetà. Dan it-trasferiment se jkun taxxabbli?
Le, minħabba li l-perjodu li matulu okkupajt il-proprjetà bħala r-residenza tiegħek stess bil-permess tal-Awtorità tad-Djar jitqies li kien perjodu li matulu kont sid dik il-proprjetà. Dan it-trasferiment ikun eżentat mit-taxxa dment li tkun okkupajt il-proprjetà għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel id-data tat-trasferiment.
2. Kont ngħix ma’ ommi għal dawn l-aħħar 10 snin. Il-proprjetà kienet il-proprjetà ta’ ommi. Issa writtha u bqajt ngħix fiha. Issa beħsiebni nbigħha, iżda għad ma kellix sjieda tagħha għal tliet snin. Se nitlef l-eżenzjoni?
Le, trasferiment bħal dan xorta jkun eżentat.
Jekk se tittrasferixxi proprjetà li okkupajt għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi, u writtha minn dixxendent dirett (ġenituri jew nanniet), il-perjodu li matulu ommok kienet sid il-proprjetà u okkupat il-proprjetà bħala r-residenza tagħha stess jitqies bħala perjodu li matulu l-proprjetà kienet ukoll proprjetà tiegħek. F’dan il-każ huwa importanti li tkun okkupajt il-proprjetà għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel it-trasferiment.
3. Se nittrasferixxi proprjetà li kont ksibt taħt assenjazzjoni ta’ proprjetà wara separazzjoni ġudizzjarja minn mar-raġel tiegħi. Din il-proprjetà hija r-residenza tiegħi stess iżda għaddew inqas minn 3 snin minn meta sirt is-sid tal-proprjetà kollha. Għandi nħallas taxxa jekk nittrasferixxiha?
Il-perjodu li matulu r-raġel tiegħek kien sid il-proprjetà u użaha bħala r-residenza tiegħu stess jitqies bħala perjodu li matulu l-proprjetà kienet proprjetà tiegħek. F’dan il-każ mhux se jkollok għalfejn tħallas xi taxxa dment li tkun okkupajt il-proprjetà għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel it-trasferiment.
4. Dan japplika wkoll jekk is-separazzjoni kienet konsenswali?
Iva, f’dan il-każ it-trasferiment ikun eżentat ukoll mit-taxxa.
5. Ir-raġel tiegħi u jien kellna proprjetà komuni bejnietna. Il-proprjetà issa se tiġi assenjata lir-raġel tiegħi. Għandi nitqies li għamilt trasferiment taxxabbli?
Le, mhux se teħel taxxa fuq dan l-assenjament.
6. Ir-raġel tiegħi u jien kellna proprjetà komuni. Meta miet ir-raġel tiegħi, uliedi wirtu s-sehem tiegħu u issa se naqsmu l-proprjetà bejnietna. Parti mill-proprjetà se tiġi assenjata lili, filwaqt li l-parti l-oħra lit-tfal tiegħi. Se jkollna nħallsu xi taxxa?
Le. L-assenjazzjoni ta’ proprjetà komuni bejnek u bejn it-tfal tiegħek, bħala werrieta tar-raġel tiegħek, mhix taxxabbli.
7. Meta kumpanija tittrasferixxi proprjetà lil kumpanija oħra fl-istess grupp, tiġi imposta xi taxxa fuq it-trasferiment?
It-trasferiment ta’ proprjetà minn kumpanija għal oħra fl-istess grupp huwa eżentat mit-taxxa. Il-kundizzjonijiet biex kumpanija titqies bħala parti minn grupp jinsabu fl-Artikolu 5 (9) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
The form was submitted successfully!