1. X’ inhi r-rata l-ġdida tat-taxxa minn ras il-għajn finali fuq il-proprjetà u minn meta hija effettiva?
B’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 is-sistema attwali li tikkonsisti kemm minn taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 12% fuq il-valur tat-trasferiment kif ukoll minn taxxa ta’ 35% fuq il-profitt jew il-gwadann se tiġi ssostitwita minn taxxa minn ras il-għajn finali waħda ta’ 8% fuq il-valur tal-proprjetà ttrasferita.
2. Hemm xi eċċezzjonijiet?
Hemm erba’ eċċezzjonijiet kif ġej:
Fuq trasferiment ta’ proprjetà li ma tifformax parti minn proġett, ir-rata tat-taxxa minn ras il-għajn finali applikabbli għandha tkun ta’ 5% fuq il-valur tal-proprjetà ttrasferita jekk il-proprjetà tiġi ttrasferita qabel ħames snin mid-data tal-akkwist tagħha. Meta t-trasferent ikun kumpanija li kienet akkwistat il-proprjetà permezz ta’ trasferiment li kkwalifika għall-eżenzjoni intragrupp, dan għandu jitqies li jkun akkwista l-proprjetà fid-data li fiha l-proprjetà kienet ġiet akkwistata l-aħħar minn kumpanija permezz ta’ trasferiment li ma kkwalifikax għall-eżenzjoni intragrupp. Din ir-rata ma tapplikax meta l-imsemmija proprjetà kienet fi kwalunkwe żmien fil-perjodu ta’ ħames snin qabel it-trasferiment, proprjetà ta’ persuna relatata mat-trasferent u l-proprjetà kienet tifforma parti minn proġett f’dak iż-żmien. (Individwu jitqies li huwa relatat mat-trasferent jekk it-trasferent ikun korp ta’ persuni li tiegħu l-imsemmi individwu jkun, direttament jew indirettament, azzjonist, sieħeb jew membru. Żewġ korpi ta’ persuni jitqiesu bħala persuni relatati jekk ikunu, direttament jew indirettament, ikkontrollati mill-istess persuni jew proprjetà benefiċjarja tagħhom b’aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija.) B’effett mill-20 ta’ Marzu 2020, it-taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 5% mhijiex se tibqa’ tapplika meta t-trasferent (jew kwalunkwe persuna relatata), fi kwalunkwe żmien fil-ħames snin ta’ qabel it-trasferiment tal-proprjetà, wettaq fuq dik il-proprjetà kwalunkwe xogħol li għalih kien meħtieġ permess ta’ żvilupp skont l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (ħlief għal xogħlijiet imwettqa li għalihom jingħata permess mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni skont ordni magħmula taħt l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp), sakemm it-trasferent ma jkunx akkwista l-proprjetà bl-iskop li jistabbilixxi residenza ordinarja unika (u ddikjara tali intenzjoni fl-att tal-akkwist).
Fil-każ ta’ proprjetajiet akkwistati qabel l-1 ta’ Jannar 2004 li fir-rigward tagħhom ma kienx ingħata lis-CfR avviż ta’ konvenju jew trasferiment relatat ma’ dik il-proprjetà qabel is-17 ta’ Novembru 2014, ir-rata applikabbli tat-taxxa minn ras il-għajn finali għandha tkun ta’ 10% tal-valur tal-proprjetà ttrasferita.
Taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 2% tapplika fuq trasferiment ta’ proprjetà li immedjatament qabel it-trasferiment kienet proprjetà ta’ individwu, jew koproprjetà ta’ żewġ individwi, li għall-finijiet tal-Artikolu 32(4)(a) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti ddikjaraw fl-att tal-akkwist ta’ dik il-proprjetà li l-imsemmija proprjetà kienet ġiet akkwistata għall-fini li tiġi stabbilita fiha jew li tinbena fuqha r-residenza ordinarja unika tiegħu jew tagħhom, u t-trasferiment ma jsirx aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-akkwist tagħha. Dan għandu japplika biss meta l-individwu msemmi ma jkollu l-ebda proprjetà residenzjali oħra fiż-żmien tat-trasferiment. In-nutar li jirċievi kwalunkwe att ta’ tali trasferiment għandu jirreġistra fl-att dikjarazzjoni bil-miktub mill-individwu li jkun qed jittrasferixxi li huwa m’għandux proprjetà residenzjali oħra fil-ħin tat-trasferiment u n-nutar għandu javża lill-individwu msemmi dwar l-importanza tal-verità ta’ tali dikjarazzjoni.
Taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 5% tapplika meta jkun trasferiment ta’ proprjetà li tinsab f’żona ta’ konservazzjoni urbana jew skedata mill-Awtorità tal-Ippjanar skont l-Artikolu 81 tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u t-trasferent jiddikjara lin-nutar li jkun irċieva l-att tat-trasferiment li jkun wettaq xogħlijiet fuq dik il-proprjetà f’konformità ma’ permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar li jipprovdi għar-restawr u, jew ir-riabilitazzjoni ta’ dik il-proprjetà wara applikazzjoni għal dak il-għan li tkun ġiet sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara. Din ir-rata ma tistax tiġi applikata għat-trasferiment jekk tkun diġà ġiet applikata għal trasferiment preċedenti tal-istess proprjetà. It-trasferent għandu juri lin-nutar iċ-ċertifikat tal-MEPA li jikkonferma li x-xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni tlestew f’konformità mal-permess relattiv.
3. Kif se tapplika s-sistema l-ġdida tat-taxxa minn ras il-għajn finali fil-każ ta’ proprjetà trasferita fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, meta avviż ta’ konvenju jew trasferiment relatat ma’ dik il-proprjetà kien ingħata lis-CfR qabel is-17 ta’ Novembru 2014?
Trasferiment ta’ proprjetà, liema proprjetà ma tiffurmax parti minn proġett u liema trasferiment ma jkunx magħmul mis-sid ta’ proġett f’SDA, li jkun sar fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, li fir-rigward tiegħu jkun ingħata lis-CfR avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment relatat ma’ dik il-proprjetà qabel is-17 ta’ Novembru 2014, u liema proprjetà tiġi ttrasferita lill-istess persuna jew persuni li jidhru fuq l-imsemmi konvenju qabel l-1 ta’ Jannar 2016, jista’ jiġi eskluż mis-Sistema ta’ taxxa minn ras il-għajn finali jekk it-trasferiment ma jsirx aktar tard minn tnax-il sena wara d-data tal-akkwist tal-proprjetà.
Fil-każ ta’ trasferiment ta’ proprjetà akkwistata qabel l-1 ta’ Jannar 2004 li fir-rigward tiegħu jkun ingħata lis-CfR avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment relatat ma’ dik il-proprjetà qabel is-17 ta’ Novembru 2014, ir-rata tat-taxxa minn ras il-għajn finali applikabbli għandha tkun ta’ 12% tal-valur tal-proprjetà ttrasferita sakemm ma japplikax il-paragrafu preċedenti u t-trasferiment jiġi eskluż mis-Sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali.
4. Jekk konvenju jew trasferiment relatat ma’ proprjetà li tifforma parti minn proġett jew proprjetà li tinsab f’żona magħżula speċjali mogħti lis-CfR qabel is-17 ta’ Novembru 2014 jiġi kkanċellat wara din id-data jew jiskadi, u tali trasferiment kien ikun soġġett għal taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 12% kieku t-trasferiment sar qabel l-1 ta’ Jannar 2015, trasferiment eventwali jiġi intaxxat taħt is-sistema l-ġdida jekk isir fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara jiġifieri b’rata aktar baxxa ta’ 8% jew 10%?
Meta avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment relatat ma’ proprjetà li tifforma parti minn proġett jew ta’ proprjetà li tinsab f’żona magħżula speċjali mogħti lis-CfR skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(6) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti qabel is-17 ta’ Novembru 2014 jiġi kkanċellat wara d-data msemmija jew jiskadi u, jew l-imsemmija proprjetà tiġi ttrasferita lill-istess persuni li jidhru fuq l-imsemmi konvenju li ġie kkanċellat jew, proprjetà oħra li tifforma parti mill-istess proġett tiġi ttrasferita lill-istess persuni li jidhru fuq l-imsemmi konvenju li ġie kkanċellat jew skada, kwalunkwe trasferiment minn dawn għandu jitqies li huwa trasferiment li fir-rigward tiegħu avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment ikun ingħata lis-CfR qabel is-17 ta’ Novembru 2014, li jfisser li tali trasferimenti jibqgħu taxxabbli bir-rata ta’ taxxa finali ta’ 12%.
5. Ikun possibbli li tagħżel li teskludi trasferiment ta’ proprjetà mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara?
Qabel l-1 ta’ Jannar 2015 it-trasferent fi trasferiment ta’ proprjetà magħmul mhux aktar tard minn tnax-il sena wara d-data tal-akkwist tagħha jew ta’ proprjetà li tinsab f’żona magħżula speċjali seta’ jagħżel permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula lin-nutar fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-att tat-trasferiment u rreġistrata fl-imsemmi att li jeskludi dak it-trasferiment mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ taxxa minn ras il-għajn finali. Madankollu mill-1 ta’ Jannar 2015 mhux se jkun aktar possibbli li wieħed jagħżel li jeskludi dawn it-trasferimenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali ħlief għal każijiet limitati spjegati aktar ’l isfel.
6. X’jiġri fil-każ ta’ trasferimenti ta’ proprjetà li tifforma parti minn proġett jew ta’ proprjetà li tinsab f’żona magħżula speċjali magħmula fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara?
Fil-każ ta’ trasferimenti ta’ proprjetà li tifforma parti minn proġett jew ta’ proprjetà li tinsab f’żona magħżula speċjali magħmula fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, meta t-trasferent ikun għażel li jiġi eskluż mis-sistema tat-taxxa finali ta’ 12%, din l-għażla ma tibqax tapplika mill-1 ta’ Jannar 2015 u kwalunkwe trasferiment li jsir wara din id-data jkun soġġett jew għal taxxa minn ras il-għajn finali 8% jew inkella taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 10% fil-każ fejn il-proprjetà tkun ġiet akkwistata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, sakemm ma jkunx ingħata avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment relatat mal-proprjetà lis-CfR skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 3(6) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti magħmul skont dak l-Att qabel is-17 ta’ Novembru 2014. Jekk ingħata tali avviż, il-proprjetà ttrasferita li fir-rigward tagħha ngħata tali avviż tibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali jekk tiġi ttrasferita qabel 12-il sena mid-data tal-akkwist sakemm il-proprjetà ma tkunx tinsab f’żona magħżula speċjali, f’liema każ tibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali indefinittivament.
Meta t-trasferent ma jkunx għażel li jiġi eskluż mis-sistema tat-taxxa finali ta’ 12%, kwalunkwe trasferiment li jseħħ wara l-1 ta’ Jannar 2015 għandu jkun soġġett jew għal taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 8% jew inkella għal taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 10% fil-każ fejn il-proprjetà tkun ġiet akkwistata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, sakemm ma jkunx ingħata avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment relatat mal-proprjetà lis-CfR skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(6) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti magħmul taħt dak l-Att qabel is-17 ta’ Novembru 2014. Jekk ikun ingħata tali avviż, il-proprjetà ttrasferita li fir-rigward tagħha jkun ingħata tali avviż għandha tkun soġġetta għal taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 12%.
7. Meta trasferiment ta’ proprjetà jsir minn persuna li ma tkunx residenti f’Malta u li tkun residenti għal skopijiet ta’ taxxa f’pajjiż ieħor, tali persuna tista’ bħalissa tagħżel li toħroġ mis-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 12%. Dan se jibqa’ l-istess taħt is-sistema l-ġdida?
Attwalment, persuna li ma tkunx residenti f’Malta u li tkun residenti għal finijiet ta’ taxxa f’pajjiż ieħor tista’ tagħżel li t-trasferiment ta’ proprjetà tagħha ma jagħmilx parti mis-sistema ta’ taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 12% jekk dik il-persuna turi lin-nutar li jippubblika l-att ta’ trasferiment dikjarazzjoni ffirmata mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiż tar-residenza ta’ dik il-persuna li tikkonferma r-residenza ta’ dik il-persuna f’dak il-pajjiż u li tiċċertifika li dik il-persuna hija soġġetta għat-taxxa f’dak il-pajjiż fuq gwadanji jew profitti derivati mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’Malta.
Mill-1 ta’ Jannar, 2015 tali persuni mhux residenti xorta jistgħu jkunu intitolati li jagħżlu li ma jipparteċipawx fis-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali u jiġu intaxxati skont l-Artikolu 5 (Gwadanji kapitali), madankollu, it-taxxa provviżorja ta’ 7% mħallsa relatata ma’ trasferiment ta’ proprjetà magħmul fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, m’għandhiex tkun disponibbli għal rifużjoni skont l-Artikolu 48 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fuq l-Income. Ma tista’ ssir l-ebda talba biex titnaqqas it-taxxa provviżorja pagabbli ta’ 7%.
8. Hemm xi ċirkostanzi fejn xorta waħda tista’ ssir l-għażla li t-trasferiment jiġi eskluż mis-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn finali u tagħżel li tiġi intaxxat fuq il-profitt jew il-gwadann?
Iva, dawn li ġejjin baqgħu l-istess:
Trasferiment ta’ proprjetà li kienet, immedjatament qabel it-trasferiment, koproprjetà ta’ żewġ individwi u t-trasferiment isir minn wieħed mill-koproprjetarji lill-ieħor. Xorta waħda tista’ ssir l-għażla li t-trasferiment jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-artikolu 5A.
Trasferiment ta’ proprjetà lill-Gvern ta’ Malta magħmul skont akkwist ta’ dik il-proprjetà f’termini tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi. Xorta waħda tista’ ssir l-għażla li t-trasferiment jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-artikolu 5A.
Trasferiment magħmul permezz ta’ subbasta jew fil-kors ta’ stralċ mill-Qorti. Tali trasferiment mhuwiex taxxabbli skont l-Artikolu 5A.
Trasferiment ta’ proprjetà li kienet intużat f’negozju għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin u li tinbidel fi żmien sena bi proprjetà (“il-proprjetà l-ġdida”) użata biss għal skop simili tan-negozju. Xorta waħda tista’ ssir l-għażla li t-trasferiment jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-artikolu 5A.
Trasferiment ta’ proprjetà li tifforma parti minn proġett magħmul minn kumpanija li tkun ħarġet bonds lill-pubbliku u dawn il-bonds ikunu elenkati f’borża rikonoxxuta skont l-Att dwar is-Swieq Finanzjarji, u jekk it-trasferent jagħżel, permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula lin-nutar fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-att tat-trasferiment u rreġistrata fl-imsemmi att.
9. L-eżenzjonijiet preskritti skont l-Artikolu 5A(4) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income għadhom japplikaw?
Iva, l-eżenzjonijiet kollha (deskritti hawn taħt) preskritti skont l-Artikolu 5A(4) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income baqgħu fis-seħħ b’xi bidliet:
Donazzjoni magħmula minn persuna lill-konjuġi tagħha, lid-dixxendent jew lill-axxendent tagħha fil-linja diretta, jew lill-konjuġi ta’ kwalunkwe tali dixxendent jew axxendent, jew, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dixxendent fil-linja diretta, lil ħuha jew lil oħtha jew lil dixxendent ta’ ħuha jew oħtha, jew lil istituzzjoni filantropika approvata għall-finijiet tal-Artikolu 12(1)(e).
Trasferiment ta’ proprjetà li kienet proprjetà ta’ min jittrasferixxi u okkupata minnu bħala r-residenza tiegħu stess għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel id-data tat-trasferiment u dment li l-proprjetà tiġi ttrasferita fi żmien tnax-il xahar minn meta l-post jitħalla vakanti jew tali perjodu jew kundizzjoni oħra kif jista’ jiġi preskritt u dment li tali proprjetà tiġi ddikjarata minn min jittrasferixxi bħala r-residenza ewlenija tiegħu permezz ta’ għażla magħmula lis-CfR b’dan il-mod u soġġett għal dawk ir-regoli kif jistgħu jiġu preskritti – Irreferi għall-Mistoqsijiet Frekwenti Nru 10 u 11.
Iċ-ċessjoni ta’ proprjetà bejn il-konjuġi konsegwenti għal separazzjoni legali jew konsenswali jew divorzju.
Iċ-ċessjoni ta’ proprjetà li kienet tifforma parti mill-komunità tal-akkwisti bejn il-konjuġi jew inkella kienet proprjetà komuni bejniethom, lil wieħed mill-konjuġi max-xoljiment tal-komunità, jew it-tqassim ta’ tali proprjetà bejn il-konjuġi jew il-konjuġi superstiti u l-werrieta tal-konjuġi deċedut. Dment li fuq trasferiment sussegwenti tal-imsemmija proprjetà, id-data tal-akkwist tas-sehem ċedut kif intqal qabel għandha tkun id-data oriġinali meta l-proprjetà kienet akkwistata miż-żewġ konjuġi.
Trasferiment ta’ proprjetà minn kumpanija għal oħra li tifforma parti mill-istess grupp.
It-trasferiment ta’ proprjetà mal-inkorporazzjoni ta’ negozju jew sħubija f’isem kollettiv bħala negozju avvjat f’kumpanija b’responsabbiltà limitata.
Is-saldu ta’ proprjetà fuq trust, jew id-distribuzzjoni jew ir-riverżjoni ta’ proprjetà saldata fuq trust, jew it-trasferiment tal-proprjetà kollha ta’ trust li jinvolvi biss bidla fil-fiduċjarju ta’ trust u fejn ma jkun hemm l-ebda bidla fil-benefiċjarji jew fl-interess benefiċjarju.
Trasferiment ta’ proprjetà minn kumpanija lill-azzjonist tagħha jew lil individwu relatat mal-azzjonist tagħha fil-kors tal-istralċ jew fil-kors ta’ distribuzzjoni tal-assi skont skema ta’ distribuzzjoni.
10. X’jiġri jekk fil-perjodu tas-sjieda tar-residenza tiegħi jkun hemm bidla fid-dar abitata?
Meta fi kwalunkwe ħin fil-perjodu tas-sjieda jkun hemm bidla fid-dar abitata jew fil-parti tagħha li tkun okkupata bħala r-residenza tal-individwu, kemm jekk minħabba r-rikostruzzjoni jew il-konverżjoni ta’ bini jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jew kien hemm bidliet fir-rigward tal-użu ta’ parti mid-dar abitata għall-fini ta’ kummerċ, negozju jew professjoni jew għal kwalunkwe skop ieħor, l-eżenzjoni mogħtija tista’ tiġi aġġustata bil-mod kif jista’ jiddetermina s-CfR f’valutazzjoni.
11. Jekk għandi ġnien jew garaxx, dan jifforma wkoll parti mir-residenza tiegħi stess għall-fini tal-eżenzjoni?
“Residenza proprja” tfisser ir-residenza prinċipali li hija proprjetà tal-kontribwent jew tal-konjuġi tiegħu li tkun dar abitata li kienet l-unika residenza jew ir-residenza ewlenija tas-sid, inkluża art trasferita permezz tal-istess att mar-residenza prinċipali, li s-sid għandu għall-okkupazzjoni u t-tgawdija tiegħu stess ma’ dik ir-residenza bħall-ġnien jew l-artijiet tagħha li jikkonsistu f’żona li, meta wieħed iqis id-daqs u l-karattru tad-dar abitata, hija meħtieġa għat-tgawdija raġonevoli tagħha bħala residenza. Garaxx imqabbad ma’ dar jew blokk ta’ appartamenti jew taħthom, jew garaxx ta’ mhux aktar minn 70 metru kwadru li jinsab sa 500m ’l bogħod mid-dar abitata, u trasferit permezz tal-istess att mar-residenza prinċipali għandu jitqies li huwa inkluż bħala parti mir-residenza.
12. Liema data għandha tittieħed bħala d-data tal-akkwist meta t-trasferent ikun kumpanija li tkun akkwistat il-proprjetà permezz ta’ trasferiment li kkwalifika għall-eżenzjoni intragrupp?
Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk il-proprjetà ġietx akkwistata mit-trasferent qabel l-1 ta’ Jannar 2004 meta t-trasferent ikun kumpanija li kienet akkwistat il-proprjetà permezz ta’ trasferiment li kkwalifika għall-eżenzjoni intragrupp, id-data tal-akkwist tkun id-data meta daħlet għall-ewwel darba fil-grupp.
13. Kif niġi intaxxat jekk jiena writt il-proprjetà wara l-24 ta’ Novembru 1992?
Jekk il-proprjetà tkun intirtet wara l-24 ta’ Novembru, 1992, it-trasferent jista’ jagħżel li jew iħallas taxxa finali ta’ 12% fuq id-differenza bejn il-valur tat-trasferiment u l-kost tal-akkwist (denunzja) jew jista’ jagħżel li jħallas taxxa minn ras il-għajn finali (10%, 8% jew 5%) skont is-sena li fiha l-proprjetà inkwistjoni tkun ġiet akkwistata permezz ta’ wirt.
14. Kif niġi intaxxat jekk il-proprjetà ntirtet qabel il-25 ta’ Novembru 1992?
Jekk inti writt il-proprjetà qabel il-25 ta’ Novembru 1992 it-taxxa hija ugwali għal 7% tal-valur tat-trasferiment. It-taxxa ta’ 7% hija finali.
15. Kif niġi intaxxat jekk akkwistajt il-propjetà permezz ta’ donazzjoni?
Trasferiment ta’ proprjetà li ġiet akkwistata mit-trasferent bħala donazzjoni magħmula aktar minn ħames snin qabel id-data tat-trasferiment inkwistjoni, jista’ jew jiġi intaxxat bi 12% tal-eċċess, jekk ikun hemm, tal-valur tat-trasferiment fuq il-valur tal-akkwist tiegħu, jew it-trasferent jista’ jagħżel li jħallas it-taxxa minn ras il-għajn finali (10% jew 8%).
Meta l-proprjetà trasferita tikkonsisti fi trasferiment ta’ proprjetà li tifforma parti minn proġett, it-12% tal-eċċess ma japplikax. “Proġett” tfisser proprjetà li ġiet akkwistata mit-trasferent permezz ta’ donazzjoni u li ġiet żviluppata mill-imsemmi trasferent f’aktar minn proprjetà trasferibbli waħda.
Fil-każ ta’ trasferiment ta’ proprjetà li ġiet akkwistata mit-trasferent bħala donazzjoni magħmula fi żmien ħames snin qabel id-data tat-trasferiment inkwistjoni, tapplika t-taxxa minn ras il-għajn finali. Ir-rata tat-taxxa tiddependi fuq id-data meta ġiet akkwistata mid-donatur. Għalhekk, jekk id-donatur akkwistaha qabel l-1 ta’ Jannar 2004, tapplika taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 10%; jekk wara din id-data, 8%. Madankollu, jekk il-proprjetà ma tifformax parti minn proġett u d-donatur akkwistaha fi żmien ħames snin, tapplika taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 5%.
Għandu jiġi nnutat li meta jkun hemm trasferiment eżentat ta’ proprjetà lil persuna relatata permezz ta’ donazzjoni, fuq trasferiment sussegwenti, id-destinatarju jitqies li jkun akkwista l-proprjetà fid-data li fiha oriġinarjament ġiet akkwistata mid-donatur.
16. Kif niġi intaxxat jekk inbigħ il-proprjetà fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 31C(1) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income?
Trasferiment ta’ proprjetà, li tkun ġiet irrestawrata skont kwalunkwe skema maħruġa għal dan il-għan mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar li tipprovdi għar-restawr ta’ proprjetà skedata ta’ grad 1 jew grad 2 jew proprjetà li tinsab f’ żona ta’ konservazzjoni urbana, magħmul fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, għandu jkun taxxabbli bir-rata ta’ 10% tal-valur tat-trasferiment jekk avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment relatat ma’ dik il-proprjetà jkun ingħata lis-CfR skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(6) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti jew tar-regoli magħmula taħt dak l-Att qabel is-17 ta’ Novembru 2014.
Trasferiment ta’ proprjetà magħmul fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 31C(1) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income, għandu jkun intaxxat bir-rata ta’ 7% tal-valur tat-trasferiment. It-taxxa ta’ 7% hija finali.
17. Kif niġi intaxxat fil-każ ta’ ċessjoni ta’ dritt miksub skont konvenju?
Matul is-sena kalendarja 2021, l-ammont sħiħ ta’ profitt derivat mit-trasferiment ta’ kwalunkwe dritt miksub permezz ta’ konvenju għandu jkun soġġett għal taxxa finali b’rata mnaqqsa ta’ 15%.
It-tariffi tal-aġenzija mġarrba għandhom jitnaqqsu kif spjegat f’dawn il-linji gwida.
Skont l-Att li Jimplimenta Miżuri tal-Estimi, iċ-ċessjoni ta’ kwalunkwe dritt miksub skont konvenju fuq proprjetà immobbli, inkluż trasferiment ta’ titlu fuq proprjetà immobbli bi kwalunkwe mod u wegħda ta’ għotja enfitewtika mhijiex regolata mir-reġim tat-taxxa fuq it-trasferimenti tal-proprjetà.
18. Nista’ nnaqqas it-tariffi tas-senserija mill-valur tal-proprjetà trasferita, qabel ma napplika t-taxxa minn ras il-għajn finali?
Iva, it-tariffi tas-senserija se jibqgħu deduċibbli. L-ammont tat-tariffi tas-senserija mħallsa mit-trasferent għandu jkompli jkun permess bħala tnaqqis mill-valur tat-trasferiment sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ verifika msemmija fir-Regoli dwar Taxxa fuq it-Trasferimenti ta’ Proprjetà. It-taxxa minn ras il-għajn finali hija applikabbli fuq ir-riżultat.
19. X’jiġri fil-każ ta’ trasferimenti magħmula fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, ta’ proprjetà li tifforma parti minn proġett jew ta’ proprjetà li tinsab f’żona magħżula speċjali fil-każ fejn l-ebda unità li tifforma parti mill-proġett ma tkun ġiet ittrasferita sal-31 ta’ Diċembru 2014 iżda jkun ġie rreġistrat avviż ta’ konvenju qabel is-17 ta’ Novembru 2014?
Fil-każ ta’ trasferimenti magħmula fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, ta’ proprjetà li tifforma parti minn proġett jew ta’ proprjetà li tinsab f’żona magħżula speċjali, fil-każ fejn l-ebda unità li tifforma parti mill-proġett ma tkun ġiet ittrasferita sal-31 ta’ Diċembru 2014, kwalunkwe trasferiment li jseħħ wara din id-data jkun soġġett għal taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 8% jew inkella taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 10% fil-każ fejn il-proprjetà tkun ġiet akkwistata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, sakemm ma jkunx ingħata avviż ta’ konvenju jew ta’ trasferiment relatat mal-proprjetà lis-CfR skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(6) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti magħmul skont dak l-Att qabel is-17 ta’ Novembru 2014. Jekk ingħata avviż bħal dan, il-proprjetà trasferita li għaliha ngħata avviż bħal dan jew tiġi intaxxata b’taxxa provviżorja ta’ 7% jekk it-trasferent jagħżel li jeskludi t-trasferiment mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5A jew inkella, tapplika r-rata tat-taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 8% sakemm il-proprjetà ma tkunx ġiet akkwistata qabel l-1 ta’ Jannar 2004 f’liema każ tapplika r-rata tat-taxxa minn ras il-għajn finali ta’ 12%.
20. Jekk għandi proprjetà f’Malta, irrid inħallas it-taxxa sempliċiment għax għandi l-proprjetà?
Is-sistema legali ta’ Malta ma timponix taxxa fuq is-sjieda ta’ proprjetà. Madankollu, jekk tikri l-proprjetà, tapplika taxxa fuq l-introjtu mill-kiri riċevut. Wieħed jista’ jirreferi għall-informazzjoni disponibbli fil-Mistoqsijiet Frekwenti dwar l-introjtu mill-kiri.