Informazzjoni Ġenerali dwar it-Taxxa
Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti
L-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti huwa amministrat mid-Dipartiment tat-Taxxa fuq Trasferimenti Kapitali (Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana ta’ Malta) li jinsab fi 63, Triq Zekka, il-Belt Valletta. Dan l-Att jirrigwarda trasferimenti magħmula permezz ta’ att “Inter Vivos” u dawk magħmula permezz ta’ dikjarazzjoni “Causa Mortis”. Id-dipartiment jirċievi wkoll “Trasferimenti tal-Ishma” kemm “Inter Vivos” kif ukoll “Causa Mortis”.
Inter Vivos wara ftehim ta’ Konvenju
Ladarba jiġi ffirmat konvenju, dan għandu jiġi ppreżentat lid-Dipartiment tat-Taxxa fuq Trasferimenti Kapitali fi żmien 21 jum minn meta jiġi ffirmat. F’dan l-istadju titħallas taxxa provviżorja ta’ 1% mix-xerrej; jiġifieri jekk il-prezz iddikjarat għal proprjetà huwa ta’ €200,000, allura t-taxxa pagabbli fuq il-kuntratt tkun €10,000. Għalhekk, it-taxxa provviżorja pagabbli tkun ta’ €2,000. Għal dan il-pagament tinħareġ irċevuta. Il-valur tas-suq tal-proprjetà mhux neċessarjament għandu jkun l-istess bħall-prezz iddikjarat fuq il-kuntratt. Għalhekk, it-taxxa pagabbli għandha tiġi kkalkulata fuq l-ogħla valur.
Wara li Kuntratt jiġi Ffirmat
Wara li kuntratt jiġi ffirmat, in-nutar li jippubblika l-att jissottometti l-formola relattiva ‘DDT1’ lid-Dipartiment tat-Taxxa fuq Trasferimenti Kapitali flimkien ma’ pjanti tas-sit, kopja tan-nota tar-Reġistru Pubbliku, il-ħlas tat-taxxa tal-boll (dovut mix-xerrej), il-ħlas tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali (dovut mill-bejjiegħ) u Skeda 8 (għall-proprjetà residenzjali biss). L-irċevuti relattivi normalment jinħarġu mhux aktar tard minn 3 ġimgħat mid-data tas-sottomissjoni tal-avviż ta’ trasferiment (DDT1) lid-dipartiment.
F’dan l-istadju, bord dipartimentali intern jiddeċiedi jekk jintbagħatx perit biex jispezzjona l-proprjetà sabiex jistabbilixxi l-valur tas-suq tal-proprjetà. Għalkemm il-valutazzjonijiet isiru b’mod professjonali, xorta jibqgħu suġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-liġi tippermetti tolleranza ta’ 15% bejn il-valur iddikjarat u l-valur tas-suq stabbilit mill-perit tad-dipartiment. Jekk id-differenza bejn il-valur tas-suq, kif stabbilit mill-perit tad-dipartiment, u l-prezz iddikjarat hija ta’ aktar minn 15%, id-dipartiment joħroġ talba (valutazzjoni) kemm fuq ix-xerrej kif ukoll fuq il-bejjiegħ.
Fil-każ tax-xerrej, it-talba maħruġa tinkludi t-taxxa dovuta flimkien mat-taxxa addizzjonali (penali). Fil-każ tal-bejjiegħ, tiġi imposta biss it-taxxa addizzjonali (penali). It-taxxa tiġi kkalkulata fuq il-valur miżjud mill-perit bir-rata applikabbli; it-taxxa addizzjonali (penali) hija ekwivalenti għal 20% tat-taxxa dovuta. Barra minn hekk, jekk it-talba ma titħallasx, il-persuna li tirċievi t-trasferiment għandha tkun responsabbli biex tħallas l-interess bir-rata ta’ żero punt sebgħa u ħamsa fil-mija (0.75%) għal kull tletin (30) jum jew parti minnu, liema interess għandu jibda jakkumula wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tal-valutazzjoni oriġinali.
X’jiġri wara Valutazzjoni
Oġġezzjoni bil-miktub tkun valida biss jekk din tispeċifika r-raġunijiet validi li fuqhom tkun ibbażata u jekk tiġi sottomessa fi żmien tletin jum mid-data tas-servizz tal-valutazzjoni. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar l-oġġezzjoni, il-Kummissarju għandu joħroġ Rifjut. Ir-rifjut jista’ jiġi appellat quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tar-rifjut.
Azzjoni Legali għall-Ġbir mid-dipartiment
Jekk talba ma tiġix solvuta jew ma tiġix oġġezzjonata, id-Dipartiment jista’ jibda azzjoni legali għall-ġbir tat-taxxa/taxxa addizzjonali skont il-każ. F’dan l-istadju, it-tariffi legali jibdew jakkumulaw fuq it-talba pendenti.
The form was submitted successfully!