Trasferimenti taxxabbli skont l-Artikolu 5 tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
1. Jekk nagħżel li niġi intaxxat skont l-Artikolu 5 (taxxa fuq il-gwadann kapitali) kif se niġi intaxxat?
Jekk tagħżel li tiġi intaxxat skont l-Artikolu 5 inti se tħallas taxxa provviżorja fuq l-att b’7%. Tista’ ssir għażla biss fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 5A(3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. (Irreferi għall-Mistoqsija Frekwenti nru 8 – Sistema Ġdida ta’ Taxxa fuq il-Proprjetà)
Imbagħad ikollok tiddikjara l-gwadann fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu tiegħek. Biex tikkalkula l-gwadann taxxabbli trid tara jekk it-trasferiment huwiex taxxabbli fuq il-profitti tan-negozju jew il-gwadanji kapitali.
Negozju
Jekk il-gwadann huwa taxxabbli bħala profitt tan-negozju, jiġi intaxxat skont l-Artikolu 4 u trid tiddikjarah bl-istess mod bħall-profitti l-oħrajn kollha tan-negozju. Inti titħalla tnaqqas il-kost tal-akkwist u spejjeż oħra li jsiru fil-produzzjoni tal-introjtu. Il-profitt nett irid jiġi ddikjarat fil-kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek. Għandu jiġi mehmuż kont tal-profitt u t-telf.
Ir-Regoli dwar Taxxa fuq it-Trasferimenti ta’ Proprjetà L.S. 123.92, jistabbilixxu liema rekords għandhom jinżammu fir-rigward tal-attività tan-negozjar tal-proprjetà tiegħek, minbarra r-rekords l-oħrajn tan-negozju; kif tistabbilixxi l-kost tal-akkwist u l-valur tat-trasferiment f’ċerti każijiet; u kif talloka l-ispejjeż f’każ ta’ proġett.
Gwadann kapitali
Jekk it-trasferiment huwa taxxabbli bħala gwadann kapitali, jiġi intaxxat skont l-Artikolu 5. Inti titħalla tnaqqas il-kost tal-akkwist u t-tnaqqis l-ieħor imsemmi mill-Artikolu 5 u r-Regoli dwar Qligħ Kapitali relattivi L.S. 123.27. Regoli speċjali dwar liema rekords għandhom jinżammu japplikaw f’dan il-każ ukoll.
Jekk it-taxxa fuq il-gwadann kapitali jew fuq il-profitti tan-negozju, skont il-każ, tkun inqas mit-taxxa li diġà tkun ħallast bħala taxxa provviżorja, inti tingħata lura t-taxxa żejda mħallsa. Jekk jirriżulta li tkun iktar, ikollok tħallas il-bilanċ.
2. Liema tnaqqis nista’ nitlob biex nikkalkula l-gwadann kapitali skont l-Artikolu 5?
Biex tikkalkula l-gwadann kapitali skont l-Artikolu 5 tista’ titlob it-tnaqqis li ġej:
Il-prezz li bih ġiet akkwistata l-proprjetà;
L-element tal-inflazzjoni;
Kwalunkwe ċens imħallas fuq il-proprjetà u li għalih ma jkunx diġà ntalab tnaqqis b’xi mod ieħor;
Allowance għall-manutenzjoni bir-rata ta’ 0.4% għal kull sena li kellek il-proprjetà;
Titjib imwettaq;
Kwalunkwe taxxa mħallsa mal-akkwist;
Spejjeż tan-nutar;
Spejjeż tas-senserija;
Spejjeż oħra relatati direttament mat-trasferiment iżda li ma jaqbżux il-5% tal-prezz tal-bejgħ.
3. Tista’ tagħti eżempju?
Eżempju: Proprjetà nxtrat fl-2003 għal €60,000. Sar b’€10,000 titjib fl-istess sena. €3,000 tħallsu bħala taxxa, u l-ispejjeż tan-nutar ammontaw għal €500. Il-proprjetà nbiegħet fl-2006 għal €150,000. It-trasferent għażel li jkun intaxxat skont l-Artikolu 5. L-għażla tista’ ssir biss fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 5A(3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Il-gwadann kapitali huwa kkalkulat kif ġej:
Prezz tal-Bejgħ €150,000
Naqqas il-kost tal-akkwist u tnaqqis permissibbli ieħor
Il-kost tal-proprjetà skont l-att tax-xiri €60,000
Titjib li sar fl-2003 €10,000
Spejjeż legali u tan-nutar €500
Taxxa fuq dokumenti mħallsa mal-akkwist €3,000
Inflazzjoni (ikkalkulata kif ġej)
Kost tal-akkwist x indiċiyd - indiċiya / indiċiya
yd = indiċi għas-sena immedjatament qabel dik li fiha jsir it-trasferiment;
ya = indiċi għas-sena immedjatament qabel dik li fiha kienet ġiet akkwistata l-proprjetà;
(0.4% tal-prezz għal kull sena) jiġifieri 70,000 x 0.004 x 3 = €840
Kost totali tal-akkwist u tnaqqis permissibbli ieħor €79,420
Gwadann kapitali li għandu jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni tat-taxxa €70,580
Il-gwadann ta’ €70,580 jiżdied mal-introjtu l-ieħor tiegħek għas-sena u t-total jiġi intaxxat bir-rati normali li huma applikabbli għalik. Jekk l-introjtu l-ieħor tiegħek diġà laħaq il-livell tat-taxxa ta’ 35%, il-gwadann kapitali kollu li jammonta €għal 70,580 jiġi intaxxat b’35% u għalhekk it-taxxa tammonta għal €24,704.
In-nutar jkun diġà żamm 7% minn €150,000 bħala taxxa provviżorja, jiġifieri €10,500. Għalhekk ikollok tħallas il-bqija tal-bilanċ li jammonta għal €24,704 - €10,500 = €14,204. Dan l-ammont irid jitħallas meta tissottometti d-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek.
Qsim tal-Proprjetà
1. Jien u ħija writna żewġ proprjetajiet. Issa se nieħdu waħda kull wieħed. Hemm xi taxxa involuta?
Meta ma jkun dovut l-ebda kumpens (owelty), il-qsim ma jkunx taxxabbli. Jitqies li ma sar l-ebda kumpens jekk il-valur tal-ishma jkun ugwali għall-valur tal-assi ċeduti lil kull min qed jaqsam. F’dan il-każ, jekk inti u ħuk writtu nofs sehem kull wieħed, u ż-żewġ proprjetajiet għandhom l-istess valur, m’għandha titħallas l-ebda taxxa.
2. Jien u ħuti writna żewġ proprjetajiet, somma flus u xi oġġetti tad-deheb. Tnejn minna se jieħdu proprjetà waħda kull wieħed; l-ieħor se jieħu l-flus u l-oġġetti tad-deheb. Mhux se jkun hemm kumpens minħabba li t-tliet ishma huma ta’ valur ugwali. Se niġu intaxxati?
Lanqas f’dan il-każ mhija dovuta taxxa. Il-flus u l-oġġetti tad-deheb mhumiex ikkunsidrati bħala kumpens minħabba li huma parti mill-wirt innifsu. It-taxxa kienet tkun dovuta kieku kien dovut kumpens lil xi wieħed minnkom.
3. Ħija u jien writna dar mingħand missierna. Id-dar se tittieħed minn ħija u hu se jikkumpensani billi jħallasni somma flus. Se niġi intaxxat?
Ejja ngħidu li l-valur tal-proprjetà fil-ħin tal-wirt kien ta’ €40,000. Għalhekk kull wieħed minnkom wiret €20,000. Illum il-valur tal-proprjetà huwa €60,000, għalhekk is-sehem tagħkom huwa ta’ €30,000 kull wieħed. Għalhekk il-kumpens dovut lilek huwa ta’ €30,000 li mhux se jitħallas mill-proprjetà komuni jew assi oħra.
Huwa meqjus li fil-qsim inti ttrasferejt nofs id-dar lil ħuk. Jekk id-dar intirtet wara l-24 ta’ Novembru 1992, trid tħallas it-taxxa fuq il-valur tat-trasferiment ta’ nofs id-dar nieqes il-valur ta’ nofs il-wirt, jiġifieri 12% fuq (€30,000 - €20,000) = €1,200. Jew tista’ tagħżel li tħallas it-taxxa minn ras il-għajn finali fuq il-kumpens dovut; ir-rata tiddependi fuq is-sena li fiha ntirtet il-proprjetà, skont l-Artikolu 5A(5)(b) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
Meta jkun hemm xi kumpens involut, huwa rrakkomandat li tfittex parir professjonali għaliex ħafna drabi l-kalkoli rilevanti jkunu pjuttost ikkumplikati. Għal iktar dettalji dwar it-taxxa fuq it-trasferimenti li jinvolvu kumpens, ara r-Regoli dwar Taxxa fuq it-Trasferimenti ta’ Proprjetà L.S. 123.92.
Iktar dwar is-Sistema tat-Taxxa Finali (l-Artikolu 5A – Taxxa fuq it-Trasferimenti ta’ Proprjetà)
1. Xtrajt proprjetà madwar 15-il sena ilu u l-valur tas-suq tagħha llum huwa ta’ €100,000. Jiena se npartatha ma’ proprjetà ta’ persuna oħra li hija wirtet fl-1999 meta l-valur tagħha kien ta’ €30,000. Illum tiswa €96,000. Kif se niġu intaxxati?
Meta l-proprjetà tiġi ttrasferita permezz ta’ tpartit, il-partijiet jitqiesu li jkunu għamlu żewġ trasferimenti separati.
Il-proprjetà li nxtrat 15-il sena ilu tiġi intaxxata b’10% fuq €100,000 = €10,000.
Il-persuna l-oħra li kienet wirtet il-proprjetà bi €30,000 qed tittrasferixxi l-proprjetà għal €96,000. Hija għalhekk għandha tħallas 12% fuq (€96,000 - €30,000) = €7,920. Jew tista’ tagħżel li tħallas it-taxxa minn ras il-għajn finali fuq il-valur tat-trasferiment, f’dan il-każ 10% fuq €96,000 peress li l-proprjetà ntirtet fis-sena 1999, (jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2004).
Li kieku l-proprjetà ntirtet qabel il-25 ta’ Novembru 1992 it-taxxa kienet tkun 7% fuq €96,000 = €6,720.
2. Se nidħol f’kuntratt ta’ enfitewsi. Kif niġi intaxxat fuq iċ-ċens li nitħallas?
Meta ċċedi proprjetà b’enfitewsi jew subenfitewsi, iċ-ċens li tirċievi jiġi intaxxat bħala introjtu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u jrid jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek bħala introjtu derivat mill-proprjetà. It-taxxa titħallas għal kull sena li matulha tirċievi ċ-ċens.
Madankollu, jekk minbarra ċ-ċens tirċievi wkoll premium, trid tħallas it-taxxa minn ras il-għajn finali fuq il-premium nieqes kwalunkwe tnaqqis permissibbli.
3. Kif jiġu intaxxati t-tifdijiet taċ-ċens?
Tifdija taċ-ċens tiġi intaxxata mat-taxxa minn ras il-għajn finali. Madankollu, meta ċ-ċens jiġi mifdi permezz ta’ skeda ta’ tifdija, ir-Reġistratur tal-Qrati għandu jnaqqas mid-depożitu 10% tas-somma pagabbli għat-tifdija. L-10% huma provviżorji.
Bħal f’każijiet oħra, jekk inti writt il-proprjetà li qed iċċedi permezz ta’ enfitewsi, jew li fir-rigward tagħha kont qed tirċievi ċens li ġie mifdi, u inti writt il-proprjetà wara l-24 ta’ Novembru 1992, l-ammont taxxabbli jitnaqqas bil-valur tal-akkwist.
L-istess jgħodd jekk kont akkwistajt il-proprjetà permezz ta’ donazzjoni li saret iktar minn 5 snin qabel ma ċedejtha permezz tal-enfitewsi, skont il-każ.
Madankollu, f’każijiet bħal dawn, il-valur tal-akkwist mhuwiex permess kompletament bħala tnaqqis, għaliex ma tkunx qed tittrasferixxi l-proprjetà kollha.
Ir-Regoli dwar Taxxa fuq it-Trasferimenti ta’ Proprjetà L.S. 123.92, jagħtu aktar dettalji dwar il-kalkolu tal-valur tal-akkwist f’każijiet bħal dawn.
Xi Trasferimenti li huma Eżentati mit-Taxxa
(Mistoqsija Frekwenti nru 9 taħt il-listi tas-“Sistema Ġdida ta’ Taxxa fuq il-Proprjetà” telenka l-eżenzjonijiet kollha preskritti skont l-Artikolu 5A tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income)
1. Jien ilni ngħix fi proprjetà għal aktar minn tliet snin b’permess maħruġ mill-Awtorità tad-Djar skont konvenju minn dik l-Awtorità, iżda l-kuntratt sar biss din is-sena. Issa beħsiebni nbiegħ il-proprjetà. Dan it-trasferiment se jkun taxxabbli?
Le, għax il-perjodu li matulu okkupajt il-proprjetà bħala r-residenza proprja tiegħek bil-permess tal-Awtorità tad-Djar jitqies bħala perjodu li matulu kont is-sid ta’ dik il-proprjetà. Dan it-trasferiment ikun eżentat mit-taxxa sakemm tkun okkupajt il-proprjetà għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel id-data tat-trasferiment.
2. Jien kont ngħix m’ommi għal dawn l-aħħar 10 snin. Il-proprjetà kienet ta’ ommi. Issa writtha u bqajt ngħix fiha. Issa għandi l-ħsieb li nbigħha, iżda d-dar m’ilhiex tliet snin għandi. Se nitlef l-eżenzjoni?
Le, trasferiment bħal dan xorta jkun eżentat.
Jekk se tittrasferixxi proprjetà li okkupajt għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi, u writtha minn axxendent dirett (ġenituri jew nanniet), il-perjodu li matulu ommok kienet is-sidt u okkupat il-proprjetà bħala r-residenza proprja tagħha jitqies bħala perjodu li matulu l-proprjetà kienet proprjetà tiegħek. F’dan il-każ huwa importanti li tkun okkupajt il-proprjetà għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel it-trasferiment.
3. Se nittrasferixxi proprjetà li kont akkwistajt taħt ċessjoni ta’ proprjetà wara separazzjoni legali mir-raġel tiegħi. Din il-proprjetà hija r-residenza proprja tiegħi iżda għaddew inqas minn 3 snin minn meta sirt sidt il-proprjetà kollha. Irrid inħallas it-taxxa jekk nittrasferixxiha?
Il-perjodu li matulu r-raġel tiegħek kien sid il-proprjetà u użaha bħala r-residenza proprja huwa kkunsidrat bħala perjodu li matulu l-proprjetà kienet proprjetà tiegħek. F’dan il-każ mhux se jkollok għalfejn tħallas xi taxxa sakemm tkun okkupajt il-proprjetà għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel it-trasferiment.
4. Dan japplika wkoll fejn is-separazzjoni kienet konsenswali?
Iva, f’dan il-każ it-trasferiment ukoll ikun eżentat mit-taxxa.
5. Jien u r-raġel tiegħi kellna proprjetà komuni bejnietna. Il-proprjetà issa se tiġi ċeduta lir-raġel tiegħi. Jien se nkun meqjusa li għamilt trasferiment taxxabbli?
Le, mhux se tintalab tħallas xi taxxa fuq din iċ-ċessjoni.
6. Jien u r-raġel tiegħi kellna proprjetà komuni bejnietna. Meta r-raġel tiegħi miet, uliedi wirtu s-sehem tiegħu u issa se naqsmu l-proprjetà bejnietna. Parti mill-proprjetà se tiġi ċeduta lili u l-parti l-oħra lit-tfal tiegħi. Se jkollna nħallsu xi taxxa?
Le. Iċ-ċessjoni ta’ proprjetà komuni bejnek u uliedek, bħala werrieta tar-raġel tiegħek, mhix taxxabbli.
7. Meta kumpanija tittrasferixxi proprjetà lil kumpanija oħra fl-istess grupp, tiġi imposta xi taxxa fuq it-trasferiment?
It-trasferiment ta’ proprjetà minn kumpanija għal oħra fl-istess grupp huwa eżentat mit-taxxa. Il-kundizzjonijiet biex kumpanija titqies bħala parti minn grupp jinsabu fl-Artikolu 5(9) tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income.
This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By using our website you consent to our use of cookies.