L-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa irċieva għadd ta’ mistoqsijiet dwar ċirkostanzi fejn diretturi mhux residenti jirċievu ħlasijiet tad-diretturi minn kumpaniji residenti f’Malta. L-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa jixtieq jiċċara li l-ħlasijiet tad-diretturi huma meqjusa bħala introjtu li jirriżulta minn fejn il-kumpanija tkun residenti, jiġifieri fejn il-kumpanija jkollha l-maniġment u l-kontroll tagħha.
Din il-pożizzjoni hija l-istess bħal dik mogħtija mill-kummentarju tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD, li jiddikjara li s-servizzi relattivi huma kkunsidrati li jitwettqu fl-istat ta’ residenza tal-kumpanija. Qed jiġi ċċarat ukoll li l-ħlasijiet tad-diretturi jirreferu għal ħlasijiet u pagamenti simili riċevuti fil-kapaċità tal-persuna bħala membru tal-bord tad-diretturi u ma jinkludux remunerazzjoni fir-rigward ta’ servizzi oħra mogħtija lill-kumpanija (eż. impjieg, konsulenza, eċċ).
Għalhekk kwalunkwe remunerazzjoni li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ ħlasijiet tad-diretturi kif definit hawn fuq hija taxxabbli fl-istat ta’ residenza (jiġifieri l-post tal-ġestjoni effettiva) tal-kumpanija. Remunerazzjoni oħra mħallsa lil persuna, li tkun ukoll direttur, fir-rigward ta’ servizzi oħra mogħtija lill-kumpanija (eż. impjieg, konsulenza, eċċ) ma tkunx taxxabbli f’Malta jekk il-persuna msemmija la tkun residenti u lanqas domiċiljata f’Malta, u lanqas ma twettaq is-servizzi f’Malta, u lanqas ma jkollha PE (permanent establishment) f’Malta.
This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By using our website you consent to our use of cookies.